Monday, November 4, 2024

“Kulħadd għandu d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tiegħu”- Dr Lynn Chircop Faure

Aqra wkoll

“Kulħadd għandu d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tiegħu, tad-dar tiegħu u tal-korrispondenza tiegħu”. Inkluż it-Tfal għandhom d-Dritt għat-Tgawdija tal-Familja li huwa protett taħt l- Artikolu 8 tal-Ewwel Skeda tal-Att dwar il-Konvenzjoni Ewropea, Kap 319 tal-Liġijiet ta’ Malta. Iżda fil-prattika, peress li din hija liġi ordinarja, huwa diffiċli ferm li xi tifel jew tifla tiftaħ xi kawża kostituzzjonali sabiex id-dritt tagħhom li ma jiċċaħħdux minn xi ġenitur jew membru familjari, jkun protett u infurzat, fiż-żmien meta l-aktar għandhom bżonn. Sabiex dan id-dritt tat-tfal kollha li jgħixu Malta jkun protett, f’każ li l-ġenituri tagħhom mhux jaslu li jikkooperaw, jeħtieġ l-intervent tal-Istat. 

Għalkemm dan id-dritt jissemma’ fil-preambolu tal-Kapitolu IV tal-Liġi Suprema ta’ Malta, xorta waħda il-protezzjoni għad-dritt fundamentali tal-bniedem li jgawdi l-familja għadha mhux l-istess daqs drittijiet oħra protetti fil-Kostituzzjoni ta’ Malta taħt l-Artikoli 33 sa 45 u għaldaqstant il-proċess li jwassal għal-rimedju taħt il-Kostituzzjoni ma’ japplikax għad-dritt fundamentali ta’ kull individwu, inkluż it-tfal, tat-tgawdija tal-familja. 

Il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem tat interpretazzjoni wiesgħa tat-tip ta’ relazzjonijiet familjari li għadhom ikunu protetti mill-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa, inkluż it-tfal maż-żewġ ġenituri, l-aħwa, in-nanniet u persuni oħra li magħhom ikunu żviluppaw rabta familjari. Meta nitrattaw id-drittijiet tal-bniedem, irridu niftakru li t-tfal għandhom l-istess drittijiet li, fil-prattika, l-eżerċizzju tagħhom m’għandux jiddependi fuq kemm il-ġenituri jikkooperaw bejniethom u jħossuhom responsabbli li jipproteġu id-drittijiet ta’ uliedhom iżda irid ikun hemm ċertezza legali li tipproteġi d-dritt tat-tfal li jkomplu jgawdu lil familjari anki jekk ir-relazzjoni intima tal-ġenituri tkun spiċċat u ddeċidew li ma jkollhom xejn aktar x’jaqsmu ma’ xulxin. 

Ir-Realtà turina li t-tfal, iridu jew ma jridux, jkollhom jirrispettaw id-deċiżjonijiet tal-ġenituri.  Allura bl-istess mod, il-ġenituri għandhom jirrispettaw id-dritt tat-tfal li jkollhom relazzjonijiet familjari irrispettivament fejn il-ġenituri jkunu qed jgħixu, saħansitra anki meta jispiċċaw f’pajjiżi differenti? 

L-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea taħt it-titolu dwar l-ugwaljanza ukoll jittratta d-dritt tat-tfal li jkollhom regolarment relazzjoni personali u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri, sakemm dan ma jkunx kontra l-interessi tat-tfal. Dan id-dritt jenfasizza r-rwol vitali taż-żewġ ġenituri biex irabbu lil uliedhom f’ambjent ta’ trawwim b’saħħtu u li jiżguraw li l-kuntatt jibqa’ maż-żewġ ġenituri, mingħajr diskriminazzjoni. Indirettament qed jappella wkoll biex il-ġenituri jingħataw is-setgħa biex jaqdu u jirrispettaw lil uliedhom indaqs. Iżda il-ġenituri diġà għandhom is-setgħa li jieħdu d-deċiżjonijiet f’isem uliedhom fil-liġi Maltija

Iżda fil-prattika id-deċiżjonijiet li jittieħdu huma dejjem fl-aħjar interess tat-tfal? 

Il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tat-Tfal taħt l-Artikolu 4 timponi fuq l-Istati Partijiet tagħha, inkluża Malta, sabiex jieħdu l-miżuri leġislattivi, amministrattivi u oħrajn xierqa kollha għall-implimentazzjoni tad-drittijiet rikonoxxuti fil-Konvenzjoni.

Skond il-Konvenzjoni, l-obbligu huwa tal-Istati firmatarji tal-istess Konvenzjoni li jirrispettaw id-dritt tat-tfal li jżommu relazzjoni personali u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri fuq bażi regolari. 

Il-Konvenzjoni tgħid li l-istat għandu jirrispetta r-responsabbiltajiet, drittijiet u d-dmirijiet tal-ġenituri sakemm dawn qed jipprovdu b’mod konsistenti għat-tkabbir tal-kapaċitajiet tat-tfal u direzzjoni u gwida xierqa fl-eżerċizzju tat-drittijiet tagħhom kollha fosthom dak taħt l-artikolu 9 tal-istess Konvenzjoni, li jipproteġi d-dritt ta’ kull tifel jew tifla li ma jiġux separati mill-ġenituri tagħhom, ħlief meta dan ikun fl-aħjar interess tagħhom u bi proċedura ġudizzjarja.

Għalhekk huwa dritt fundamentali tat-tfal li l-istat jintervjeni meta azzjonijiet relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu mill-ġenituri, awtoritajiet pubbliċi jew istituzzjonijiet privati, ma jkunux taw kunsiderazzjoni primarja dak li huwa fl-aħjar interess tat-tfal u jċaħdu lit-tfal minn kuntatt dirett u regolari ma’ xi ġenitur mingħajr ma tingħata raġuni valida u bil-miktub minn awtorità kompetenti. 

X’inhu jiġri bħalissa fejn jidħol il-monitoraġġ tal-koppja? Inti sadattant tisħaq fuq il-fatt li l-ġenituri huma responsabbli mit-tfal iżda t-tfal mhumiex tagħhom! Spjegali ftit.

Tinħass il-ħtieġa li t-trobbija kondiviża bejn il-ġenituri tissarraf f’responsabbiltà ċerta u legali għat-tfal kollha sabiex fil-prattika kulħadd ikollu ċ-ċans jitrabba maż-żewġ ġenituri, la darba jkunu t-tnejn idoneji u dan ikun fl-aħjar interess tagħhom. Għalhekk jinħass il-bżonn iktar minn qatt qabel li jinħolqu sistemi amministrattivi ta’ monitoraġġ li jwasslu għall-infurzar ex officio minn istituzzjonijiet mwaqqfa sabiex jħarsu u jipproteġu dan id-dritt tat-tfal. 

Hija sfortuna meta tara ġenituri waqt proċess ta’ separazzjoni li jitħallew jimpikaw dwar il-ħin tal-aċċess mat-tfal daqs li kieku qed jittrattaw fuq biċċa proprjetà.  M’għandux ikun aċċettabbli li ma jingħatax raġuni valida l-ġenitur li ma jkollux aċċess, jew ikun limitat tali li jħossu viżitatur aktar milli ġenitur. Meta jiġri dan mhux il-ġenitur biss ikun tellief imma anki uliedu u kull min jiddependi fuq dik id-deċiżjoni, bħan-nanniet, li jgawdu lin-neputijiet, meta u jekk il-ġenituri jawtorizzawhom. 

X’inhuma r-reazzjonijiet tiegħek fejn jidħlu n-nanniet? X’analiżi tagħmel?

Huwa propost li jsir studju xjentifiku li jurina attwalment kemm hawn tfal li ma jgawdux relazzjonijiet b’saħħithom mal-ġenituri jew familjari oħra bħan-nanniet tagħhom għal raġunijiet li ma jikkonċernaw ir-relazzjonijiet tagħhom mal-adulti in kwistjoni. Dan huwa importanti sabiex wieħed jifhem kemm minn dawn il-każijiet hemm tfal li qed ikollhom jissagrifikaw ir-relazzjoni tagħhom ma’ wieħed mill-ġenituri jew nanniet sempliċiment minħabba li dawn tal-aħħar ikunu qed jevitaw l-inkwiet u iktar spejjeż jekk jidħlu l-qorti, jew fl-estrem ieħor, ma jkunux iridu jerfgħu r-responsabbiltà li jrabbu.  

Fost dawn il-każijiet mhux biss il-ġenitur jkun qed jitlef milli jibni relazzjoni mal-iben jew l-bint, iżda ukoll familjari oħra, speċjalment il-kuntatt bejn in-nanniet rispettivi, li ma jkunux jifilħu għall-ispejjeż legali. Għalhekk l-enfasi fuq l-infurzar għandu jkun ta’ benefiċċju għat-tfal kollha u mhux dawk li l-ġenituri tagħhom jew qrabathom jifilħu jiġġieldu għalihom fil-Qrati kemm Maltin kif ukoll barranin meta l-ġenituri jkunu qed jgħixu f’pajjiżi differenti. 

Meta titkellem dwar responsabbiltajiet tal-ġenituri x’għandek f’moħħok eżatt?

Li jrid ikun aktar regolat huma r-responsabbiltajiet tal-ġenituri fosthom li jikkooperaw ma xulxin sabiex, meta t-tnejn ikunu idoneji, mhux biss it-tfal jitrabbew fil-kura tagħhom it-tnejn iżda jgawduhom indaqs. Meta dan jkun jista’ jiġi assigurat lit-tfal kollha, mingħajr distinzjoni, jkun verament ġie mplimentat id-dritt tagħhom li jqattgħu ħin dirett u regolari maż-żewġ ġenituri, b’mod effettiv u mingħajr kundizzjonijiet li joħolqu żvantaġġ fuq ir-relazzjoni tagħhom ma’ ġenitur minnhom. 

Jekk min età żgħira jitħalla lok li ġenitur minnhom jiġi eskluss mill-ħajja tal-wild, is-sistema ma tkunx qed taħdem favur it-tfal kollha b’mod ugwali. Dan jista’ jiġri wkoll meta ġenitur minnhom jitħalla fil-prattika jabbanduna lil uliedu jew f’każ li l-missier ikun magħruf, jiġi nfurzat biss l-obbligu tal-manteniment, li huwa obbligu protett kemm taħt il-Kodiċi Ċivili kif ukoll taħt il-Kodiċi Kriminali. 

Bl-istess mod għandu jiġi assigurat l-kuntatt liberu u regolari maż-żewġ ġenituri. Dan għaliex meta l-ħin ta’ ġenitur mal-ulied ikun limitat u kkundizzjonat mill-ġenitur l-ieħor, ma jkunx hemm lok sabiex tinħoloq rabta b’saħħitha familjari maż-żewġ ġenituri indaqs u dak il-ġenitur b’inqas ħin ma jkunx jista’ jiżviluppa relazzjoni ta’ ġenitur. Relazzjoni familjari tirrikjedi ħin ta’ kwalità sabiex jkun hemm komunikazzjoni mal-minuri fuq livelli varji fosthom dawk emottivi, edukattivi, dixxiplinari, il-ħarsien tas-saħħa fiżika u mentali u kull bżonn ieħor tal-minuri li għalih huwa responsabbli l-ġenitur. 

Li tara ġenituri jidhru quddiem il-Qorti Kriminali sempliċiment sabiex jiddefendu d-dritt tagħhom li jkollhom kuntatt ma’ uliedhom hija ħasra u umiljanti, speċjalment meta l-ħin li kellhom bi dritt jgawduh ma’ uliedhom jintilef minn xi Qorti oħra mingħajr raġuni. Ħasra ferm akbar meta l-ulied jinqabdu bejn żewġ ġenituri, li fiċ-ċirkostanzi, ma jkunux qed jaġixxu fl-aħjar interess ta’ uliedhom iżda biex jiddefendu l-interessi tagħhom. 

Sport