Saturday, November 23, 2024

“Kull partit jibda 0-0 u għalhekk huwa importanti li kulħadd jeżerċita d-dritt tal-vot tiegħu”

Aqra wkoll

Fiona Borg Lewis hija Qormija, miżżewġa u għandha tfajla ta 21 sena. Ilha 30 sena taħdem fis-servizzi finanzjarji bħala Insurance Broker u llum hija Associate Director ma’ kumpanija privata tal-intermedjarji fl-Assikurazjoni.

Iżda minn fejn bdiet din l-imħabba għall-attiviżmu u għall-politika?

Ilni nsegwi l-politika minn meta konta tifla. In-nannu George kien President tal-Kumitat lokali u missieri kien dejjem involut fil-partit.  Minn meta għalaqt 18-il sena kont dejjem ngħin fl-uffiċju elettorali u f’dawn l-aħħar sentejn kont iċ-Chair tal-Finanzi tan-Nisa Laburisti. Is-sena l-oħra attendejt l-kors LEAD u hemm ħassejt li is-sejħa għall-politika hija ħolma li setgħet tiġi mwettqa. Kont parti mill-proċess 100idea u llum qed ngħix din l-esperjenza aktar viċin in-nies.

U x’inhu s-sigriet biex tagħmel dan kollu u ssib bilanċ u ħin għal kollox?

Jien dejjem emmint fil-proverbju “where there is a will there is a way”. Mhux ha nghidlek li faċli, li ssib bilanċ bejn il-familja u l-ħajja politika. Imma jien dejjem kont naħdem anke meta kelli t-tifla u l-professjoni tiegħi għenitni nsib bilanċ fejn dejjem sibt il-ħin neċċesarju għall-familja.  Sakemm ma jkunx xi appuntament li ma tistax tbiddel, jien dejjem rajt li l-bżonnijiet tal-familja inżommhom prijoritá u jekk hemm bżonn, ix xogħol issir wara, anke jekk dan issir bil-lejl jew kmieni filgħodu.

Skont Fiona, x’inhuma l-akbar sfidi li qed jitkellmu fuqhom in-nies li tiltaqa’ maghhom ta’ kuljum waqt il-home visits?

In-nies iħossu dak kollu li jkun għaddej madwarna… illum bla dubju jitkellmu fuq l-inkwiet bejn ir-Russja u l-Ukrajna. Jibżgħu li dan se jkollu impatt kbir fuq l-ekonomija tagħna li tant ħdimna biex insaħħuha f’dawn l-aħħar disa’ snin.  Peró, jafu wkoll li l-Prim Ministru Robert Abela jaf jisma’, jifhem u jaġixxi u bħalma kien ta’ spalla waqt il-pandemija hekk se jerġa’ jagħmel jekk dan il-konflitt jolqot ukoll lil pajjiżna. Qabel ma bdiet il-kampanja kienu qed isemmu wkoll l-għoli tal-ħajja imma meta tħabbar li se jkollom għajnuna finanzjarja, illum tarahom jirringrazjwak ta’ dak kollu li Gvern laburista qed jagħmel għall-Maltin.

Tlabna lil Fiona tispjegalna kemm ghadu validu it-twemmin politiku li jemfasizza ħafna fuq il-prinċipji soċjalisti li għandu jħaddan il-Partit Laburista.?

Il-prinċipji għadhom ittimbrati kemm fin-nies kif ukoll fl-għeruq tal-partit laburista.  Dak kollu li bhala gvern għamilna f’dawn l-aħħar snin u dak li qed nipproponu fil-manifest huwa kollu nfassal fuq prinċipji soċjalisti.  L-għan prinċipali ta kull miżura hi li ngħinu lil min l-aktar għandu bżonn u hekk ha nibqgħu ngħamlu. 

Jekk tinghata l-fiduċja, Fiona, x’timbru tixtieq tħalli bħala Membru Parlamentari?

Jiena kif diġá semmejt ġejja mis-Servizzi Finanzjarji u għalhekk naf kemm hu importanti li wieħed jimxi b’integrità bbażata fuq prinċipji onesti f’dak kollu li tagħmel.  Nemmen illi n nies illum jridu aktar politiċi kredibli, li jisimgħu u jgħinu lin-nies – li jibqgħu viċin in-nies u mhux żżurhom biss lejlet l-elezzjoni.  Fuq kollox jien irrid nkompli ngħin lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna, għax f’dawn is sentejn għaddew minn tbatija li forsi ħadd ma fehem.  Għalhekk irridu nimxu fuq il-garanzija tat-tfal u ż-żgħażaġħ u ngħinuhom bl-aħjar mod li nistgħu. Fil-jiem li għaddew, għadni kif iffirmajt il-manifest tat-tfal u nwegħedhom li se nkun il-vuċi tagħhom għax huma l-preżent u l-futur.  Jien irrid nara li kulhadd jibqa’ miexi ‘l quddiem.

Il-Partit Laburista fil-Gvern issa diġá għamel bosta riformi. Fis-snin li gejjin, Fiona, kif tara li l-Partit jista’ jibqa’ qrib il-poplu u jibqa’ jiġġedded?

Vera li għamilna ħafna, imma għad fadal aktar x’wieħed jista’ jagħmel, biex inkunu ċerti li ma nħallu lil ħadd jaqa’ lura.  Dan nistgħu nagħmluh biss jekk nibqgħu nisimgħu l-vuċi ta’ kulħadd u nġeddu l-liġijiet Maltin biex jirriflettu ż-żminijiet tal-lum.  Eżempju ta’ dan hija r-riforma tal-IVF biex ngħinu aktar koppji jibnu l-familja tagħhom.  Jekk imqarr ngħinu familja waħda, din ukoll ha nkunu qed ngħamluha.   Ha nkunu qed naraw li wara li wettaqna l-infrasttrutura tat-toroq ha nkunu qed ninvestu €700miljun fl-ambjent, fi spazji miftuħa u ħodor.  Dik hija l-kredibbiltá ta’ Dr Robert Abela li sema’ u aġixxa.  Dan huwa l-moviment li tbiddel biex ikun aktar qrib il-poplu.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, Fiona, xtaqet twassal messaġġ finali lill-elettorat Malti…

L-ewwel nett jekk l-elettorat jagħtini l-fiduċja, jien minn hawn inwiegħed li se nibqa’ viċin tal-poplu, tkun xi tkun il-kariga tiegħi. 

Pero, kif dejjem ngħidu kull partit jibda 0-0 u għalhekk huwa importanti li kulħadd jeżerċita d dritt tiegħu fis-26 ta Marzu u joħroġ jivvota ħalli b’hekk inkunu nistgħu nagħtu mandat b’saħħtu lill-Prim Ministru Dr Robert Abela li kien ta’ spalla għall- Għawdxin u l-Maltin kolla, f’dawn l-aħħar sentejn.

Sport