Friday, April 24, 2026

“Kull pinna għandha storja… u kull min iġib waħda jkun qed jagħti parti minnu nnifsu” – Raymond Caruana

Aqra wkoll

Fil-qalba tal-Gżira, eżattament viċin il-Kulleġġ Stella Maris, fi triq li minnha jgħaddi traffiku kontinwu ta’ karozzi u nies, hemm garaxx li minn barra jidher ordinarju, iżda minn ġewwa jiftaħ dinja kompletament differenti. Dan huwa l-“mużew” personali ta’ Raymond Caruana, raġel li għal aktar minn 30 sena ddedika parti kbira minn ħajtu għal passjoni mhux tas-soltu: il-ġbir ta’ biros.

Ftit tal-jiem ilu, The Malta Records kienu mistiedna f’dan il-garaxx sabiex jivverifikaw u jippreżentaw rekord nazzjonali ġdid. Ir-riżultat kien impressjonanti: total ta’ 21,617-il pinna differenti bir-rekord li mhux biss jikser wieħed preċedenti li sar sentejn ilu, iżda jikkonferma wkoll kemm din il-passjoni kibret matul is-snin.

Meta tkellimna ma’ Raymond, li llum għandu 72 sena, mal-ewwel tinduna kemm hu kburi b’din il-kollezzjoni, iżda fl-istess ħin umli u emozzjonat dwar kif bdiet. “Jien dejjem kont inħobb il-biros,” jgħid b’tbissima. “Imma kollox beda minn waħda waħda biss, il-pinna ta’ missieri.”

Dik il-pinna għandha valur sentimentali enormi għalih. Missieru kien irċeviha bħala rigal fis-snin ħamsin, u kien magħruf għall-kitba sabiħa tiegħu. “Il-kitba tiegħu kienet arti,” jiftakar Raymond. “Meta nżomm dik il-pinna, inħoss li għadu miegħi.” Fil-fatt, minkejja li għandu eluf ta’ pinen, Raymond jgħid li juża biss dik waħda biex jikteb.

Il-vjaġġ tal-kollezzjoni beda madwar 35 sena ilu. F’dak iż-żmien, Raymond kien jaħdem f’diversi setturi, fosthom il-catering, is-sewqan u anke xogħol relatat ma’ jottijiet u VIPs.

“Kont dejjem niġbor xi biros minn hawn u minn hemm,” jispjega. “Imbagħad, meta n-nies saru jafu li jogħġbuni, bdew jibagħtuli u jagħtuni aktar u aktar.”

Illum, il-garaxx tiegħu hu mimli sal-limitu, b’biros imwaħħlin mal-ħitan, oħrajn imdendlin mas-saqaf u oħrajn organizzati f’kaxxi. U l-kollezzjoni tkompli tikber b’ritmu mgħaġġel. 

“Dan ix-xahar biss ġabuli madwar 400 pinna,” jgħid. “Xi nies jgħaddu bil-karozza u jitfgħuhom mit-tieqa! Oħrajn iġibuhom f’boroż. Saħansitra għamilt kaxxa apposta barra biex in-nies jitfgħu fihom.”

Il-lokalità tal-garaxx, viċin Stella Maris College, tgħin ukoll biex aktar nies jindunaw bih. Huwa sar punt ta’ attrazzjoni mhux biss għan-nies tal-inħawi, iżda wkoll għall-Maltin oħra u anke turisti li jieqfu jammiraw din il-kollezzjoni unika.

Interessanti, il-pinen li għandu Raymond ġejjin minn kull rokna tad-dinja. “Għandi minn Kolombja fost l-oħrajn u anke minn ħafna pajjiżi oħra,” jgħid. Fosthom hemm ukoll pinen speċjali b’tifsira partikolari, bħal waħda marbuta mal-cancer awareness li rċieva mingħand Michelle Muscat madwar seba’ snin ilu. “Saret taf bija u bagħtitha bix-xufier personali tagħha,” jirrakkonta.

Imma għal Raymond, il-valur tal-biros ma jinsabx biss fil-kwantità jew fl-oriġini tagħhom. Huwa jemmen li pinna għandha simboliżmu qawwi. “B’pinna tista’ tibda gwerra u tista’ twaqqafha wkoll,” jgħid b’serjetà. “Tintuża biex tiffirma kuntratti, żwiġijiet, ftehimiet… hija oġġett żgħir imma b’saħħa kbira.”

Meta nistaqsih jekk għandux pinna favorita mill-kollezzjoni, apparti dik ta’ missieru, jitbissem u jwieġeb: “Qisek qed tistaqsi lil ġenitur liema hu l-iktar tifel favorit tiegħu.”

Il-garaxx ta’ Raymond mhux biss spazju għall-kollezzjoni, iżda wkoll post ta’ laqgħa. Kuljum, hu u sħabu, li jsejħilhom “pen pals,”jinġabru hemmhekk biex jieħdu kafè, jitkellmu u jilqgħu lil min jiġi jżurhom. Dan jagħmel il-post aktar minn sempliċi mużew; jagħmlu komunità ħajja.

Matul l-intervista, Raymond fetaħ qalbu wkoll dwar sfidi personali li għadda minnhom. “Kelli żminijiet diffiċli,” jammetti. “Imma dejjem żammejt pożittiv u anke dan il-passatemp għeni ħafna”

Huwa jikkredita s-saħħa tiegħu lill-familja, martu u ż-żewġt ibniet tiegħu u dawk kollha li ħadu ħsiebu f’mumenti diffiċli ta’ saħħa li għadda minnha . Iżda ma jonqosx li jsemmi wkoll il-kollezzjoni tiegħu bħala sors ta’ ferħ u motivazzjoni. “Meta nkun hawn, inħossni qisni fil-ġenna,” jgħid b’emozzjoni.

Għall-futur, Raymond ma jaħsibx li jieqaf. “Nixtieq inkompli nkabbar il-kollezzjoni,” jgħid. “U forsi naraw jekk nistax nasal għal rekord tal-Guinness World Records.”

Għalkemm diġà kiseb suċċess nazzjonali, jidher li l-ambizzjoni tiegħu għadha ħajja.

Fl-aħħar mill-aħħar, l-istorja ta’ Raymond Caruana mhix biss dwar pinen. Hija storja ta’ passjoni, memorji u reżiljenza. Minn pinna waħda ta’ missieru għal aktar minn 21,000, dan ir-raġel mill-Gżira rnexxielu jibni xi ħaġa tassew straordinarja, mhux biss kollezzjoni, iżda wirt li jgħaqqad nies, stejjer u emozzjonijiet.

Minkejja s-suċċess li kiseb, Raymond jibqa’ persuna sempliċi li tapprezza l-affarijiet żgħar tal-ħajja. Huwa jemmen li l-passjoni tiegħu mhux biss tatlu skop, iżda wkoll għenitu jibqa’ pożittiv anke f’mumenti diffiċli. “Kull pinna għandha storja,” jgħid. “U kull min iġib waħda jkun qed jagħti parti minnu nnifsu.” Għalih, din il-kollezzjoni mhix biss tiegħu, iżda tal-komunità kollha. 

U hekk kif in-nies jibqgħu jgħaddu minn barra l-garaxx tiegħu u jieqfu jħarsu ġewwa, forsi ma jarawx biss biros, imma wkoll storja li tkompli tikber, pinna wara pinna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport