Alfred Meli, li kien prijunier u ħadem ħafna biex jorganizza l-burdnara tas-siment biex jissieħbu fil-GWU, ilbieraħ ingħata l-aħħar tislima fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħ’Attard.
Bi knisja mimlija bin-nies b’turija tar-rispett kbir li Alfred kellu, il-konċelebrant fl-omelija tiegħu qal li Freddy (kif kien magħruf) kien dejjem ifittex il-kelma ta’ Alla.
Stqarr li Freddy kien qeigħed ifittex mixja biex twasslu għall-ħajja ta’ dejjem. Iċ-ċelebrant kompla jgħid li Freddy sab il-ġawhra tiegħu fil-kelma ta’ Alla u anke fl-Ewkaristija li kienu dejjem idawlulu t-triq u jġedduh.
Preżenti għall-quddiesa tal-funeral kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.


