Saturday, December 21, 2024

“Kulma jridu jneħħu huwa l-uġigħ u mhux ħajjithom”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Ġimgħa ta’ kampanja ta’ għarfien fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju

Kull 40 sekonda x’imkien fid-dinja, persuna tneħħi ħajjitha. F’Malta dawn in-nies huma realtà aktar qatt minn qabel fejn għandna bejn tnejn u erba’ persuni, aktar irġiel milli nisa fil-faxxa ta’ 15-il sena sal-65 sena, li huma f’riskju perpetwu ta’ suwiċidju. F’intervista ma’ Talk.mt, il-Kap tal-Crisis Resolution Malta Dott. Mark Xuereb, saħaq fl-importanza ta’ strateġija nazzjonali għall-prevenzjoni tas-suwiċidju u appella biex inneħħu l-istigma madwar dan is-suġġett ħalli nuru lil dawn in-nies li kulma jridu jneħħu huwa l-uġigħ u mhux ħajjithom.

Mill-bieraħ il-Crisis Resolution Malta tat bidu għal kampanja għall-prevenzjoni mondjali tas-self-harm u s-suwiċidju, inizjattiva b’kollaborazzjoni mal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) u l-Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju (IASP) u tilħaq il-quċċata tagħha b’għeluq fil-Jum Dinji għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju fl-10 ta’ Settembru.

“Għandna unur ngħidu li qegħdin insibu kollaborazzjoni kbira minn Transport Malta u mill-Ministru responsabbli Ian Borg għax mill-ewwel taw l-appoġġ tagħhom billi għamlu s-sinjali elettroniċi kollha għad-disponibilità tagħna. Se jittellgħu fuqhom messaġġi bħal ‘Intemmu s-Suwiċidju’, in-numri tat-telefon għall-għajnuna u se ngħafsu fil-promozzjoni tal-Kriżi App,” qal Dott. Mark Xuereb.

Huwa qal li barra minnhekk, għadd ta’ kumpaniji lokali fetħu l-bibien tagħhom biex jgħinu u dawn jinkludu kumpaniji tal-billboards. Bażikament, tul din il-ġimgħa, il-punti ewlenin kollha f’Malta u Għawdex se jkollhom messaġġi ta’ tama u biex insalvaw il-ħajjiet. 

Imbagħad fl-10 ta’ Settembru l-poplu Malti huwa mistieden jingħaqad mal-inizjattiva bit-tema tal-“Light a Candle near a Window at 8PM on World Suicide Prevention Day” billi fil-ħin stipulat jixgħel xemgħa fit-tieqa tar-residenza tiegħu bħala sostenn nazzjonali kif ukoll globali.

Ħidma lokali li diġà salvat ħajjet 400 persuna

Minn mindu l-Crisis Resolution Malta ġiet imwaqqfa 11-il sena ilu, diġà ġew salvati 400 persuna li ntlaħqu perrmezz ta’ linja ta’ telefon 24/7, fuq il-Kriżi App tal-mowbajl, il-paġna tagħhom fuq il-Facebook u anke servizz b’email. Dott. Xuereb qal li f’dawn l-aħħar 10 snin ir-rata ta’ suwiċidju f’pajjiżna baqgħet stabbli. Bejn wieħed u ieħor, hemm sitta minn kull 100,000 imwiet ta’ popolazzjoni. 

Dan il-psikjatra qal li, “smajna d-dieqa u l-karba ta’ ħafna nies li batew u neħħew ħajjithom u għalhekk hemm bżonn din il-kampanja. Immaġinaw tkunu ddisprati u ma tkunux tistgħu tissaportu d-dwejjaq filgħodu mentri filgħaxija ma tieklux u ma torqdux. Tħossu li mhemmx tama. Immaġinaw it-tbatija li persuna tgħaddi minnha meta, moħbbija waħidha, tneħħi ħajjitha”.

Meta persuna ssib ruħha f’diffikultajiet kbar hemm riskju li tidħol fi kriżi serja b’konsegwenza li ssir vulnerabbli u hemm min jasal li jneħħi ħajtu b’idejh. L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa tgħid li f’kull ħin – bil-lejl u bin-nhar – hemm 20 persuna li jippruvaw imutu b’suwiċidju. Din it-traġedja tħalli wkoll impatt qawwi fuq il-qraba u l-ħbieb li ħafna drabi, iqattgħu għomorhom jistaqsu għala, kif ma ndunawx u jekk setgħux isalvawhom. 

“Id-WHO flimkien mal-Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju ta’ kull sena jisħqu li jkun hemm kampanja għall-prevenzjoni u għall-ħarsien ta’ dawn it-traġedji. Kull suwiċidju huwa traġedja li wieħed jista’ jippreveniha u hawnhekk wieħed jara l-importanza ta’ strateġija nazzjonali għall-prevenzjoni tas-suwiċidju,” spjega Dott. Xuereb.

Is-suwiċidju huwa mġieba ta’ tħassib għas-saħħa pubblika

L-istess Għaqda Dinjija tas-Saħħa tisħaq li ma jistax ikollna saħħa fiżika tajba mingħajr saħħa mentali. Il-Crisis Resolution iġedded dan l-islogan b’ieħor li jgħid – mhux biss ma jistax ikollok saħħa tajba jekk ma jkollokx saħħa mentali, iżda wkoll jekk m’għandekx prevenzjoni tas-suwiċidju. 

“Minħabba li hemm bżonn il-prevenzjoni biex finalment ikollna s-saħħa, hemm bżonn ta’ strateġija nazzjonali. Il-qafas strutturali, soċjali u legali huwa mdaħħal f’din l-istrateġija nazzjonali għall-prevenzjoni tas-suwiċidju. Din tagħti indikazzjoni ta’ kemm hija kbira l-problema lokalment u tirrikonoxxi li s-suwiċidju huwa mġieba ta’ tħassib għas-saħħa pubblika,” wissa l-psikjatra. 

Huwa qal li din tagħti wkoll sinjal li l-awtoritajiet tal-pajjiż huma f’ħidma impenjattiva biex jindirizzaw din il-problema. Spjega li, “strateġija nazzjonali tagħti qafas ko-ordinat fis-servizzi li direttament jew indirettament għandhom x’jaqsmu mas-suwiċidju. Kważi tista’ tgħid li kull qasam fis-saħħa u fis-servizzi soċjali qegħdin imissu magħha”. 

Il-Kap tal-Crisis Resolution qal li strateġija għall-prevenzjoni tas-suwiċidju hija għodda importanti ħafna għas-soċjetà fejn jissuġġerixxi li jkun hemm kumitati biex jaraw x’inhuwa jiġri fil-ħabs, fid-djar tal-anzjani u fl-isptarijiet għax, “dawn huma limitati jekk m’hemmx viżjoni ċara u ppjanar kemm f’termini ta’ perjodu medju, kif ukoll dak fit-tul”.

Dott. Xuereb, fl-2015, kien inkarigat mid-Dipartiment tal-Psikjatrija biex jagħti draft ta’ strateġija għall-prevenzjoni tas-suwiċidju u “għaldaqstant diġà għandna qafas biex tkun implimentata u nkunu konformi mad-WHO”. Huwa elenka l-vantaġġi u l-progress li jista’ jkun hemm meta tiġi implimentata strateġija għall-prevenzjoni tas-suwiċidju. Dawn huma: 

  • Linji gwida bbażati fuq evidenza dwar il-prevenzjoni;
  • Tidentifika min huma l-istakeholders importanti u tagħtihom responsabbiltajiet għalihom speċifiċi;
  • Tgħid dak li jaħdem u dak li jaħdimx;
  • Tindika x’inhuma r-riżorsi kemm finanzjarji, kif ukoll umani;
  • Ikun hemm awditjar u riċerka magħmula f’Malta biex ta’ kull sena ssir statistika;
  • Tagħti dettalji kemm dwar il-każijiet;
  • Tidentifika “toqob” fil-leġislazzjoni, servizzi u anke fil-ġbir tal-informazzjoni.

Viżjoni u pjan ta’ azzjoni

Strateġija tagħti qafas ta’ monitoraġġ u tagħti kuntest tar-riċerka u anke ta’ xi jwassal għall-imġieba tas-suwiċidju u dak li jipprevjenih. “Din toffri pjan ta’ azzjoni konkret u tagħmel viżjoni multi settorjali li tinkludi l-edukazzjoni, ix-xogħol u l-politika fost l-oħrajn. Dott. Xuereb enfasizza l-fatt li huwa importanti li l-gvern ikollu approċċ sistematiku u strateġiku biex l-inizjattiva ma tieqafx ftit wara li tibda.

L-istrateġija nazzjonali għall-prevenzjoni tas-suwiċidju bl-islogan “Intemmu s-Suwiċidju” toffri politika nazzjonali li tiddeskrivi t-tip ta’ self harm u l-imġieba suwiċida, il-kuntest soċjo kulturali u tħares kif bħalissa qegħdin nindirizzaw dawn il-każijiet. Fiha hemm xejn inqas minn 23 rakkomandazzjonijiet ta’ kif wieħed jista’ jilħaq dawn l-iskopijiet. 

Dawn l-istrateġiji jaħdmu biex tonqos ir-rata ta’ suwiċidju u f’dawk it-30 pajjiż li implimentawha, naqsu r-rata ta’ suwiċidju drastikament. L-aħħar statistika mid-WHO turi li madwar id-dinja kull sena 700,000 ineħħu ħajjithom. Sena qabel kien hemm 100,000 iżjed u dan juri li l-istrateġiji bi pjan ta’ azzjoni jaħdmu.

“Dawn ir-riżultati jagħtuna aktar motivazzjoni biex ngħinu lil dawn in-nies. Importanti wkoll li nsegwu lil dawk li fallew f’attentat li jneħħu ħajjithom għax dawn huma persuni vulnerabbli. Ma ninsewx lill-qraba u lill-ħbieb li kważi jgħixu ħajja ta’ martirju u jispiċċaw jeżistu biss. Dawn ukoll għandhom bżonn l-għajnuna,” wissa Dr Xuereb. 

Kriżi serja tista’ tiġi fuq kulħadd…

Il-Crisis Team, magħmul minn tim ta’ professjonisti multi dixxiplinarju, għandhom “sieq fl-isptar u sieq fil-komunità” li jilħaq u jikkordina azzjoni f’waqtha għall-persuni fi kriżi serja. Il-Kap ta’ dan it-tim qalilna li kriżi tista’ tkun ta’ kull tip u ta’ kull natura.

Il-prevenzjoni tas-suwiċidju timxi fuq tliet binarji – dak individwali; dak komunitarju u dak nazzjonali. Huwa qal li din mhiex biss problema medika imma anke psikoloġika, ekonomika, nazzjonali u psiko soċjali li tolqot lil kull wieħed u waħda minna. 

Huwa spjega li, “hemm bżonn li wieħed jismagħhom u li dak li jkun jitlob għall-għajnuna. Huwa obbligu morali u soċjali li ngħinu lil min huwa magħkus. B’hekk nevitaw ħafna tbatija u dħul fl-isptarijiet minn din l-għanqbuta li jista’ jkollha tmiem fatali.” 

Il-psikjatra qal li għandna wkoll nippreparaw liż-żgħar tagħna għall-isfidi tal-ħajja. Biex jitgħallmu kif mill-falliment jissaħħu psikoloġikament. “Għandna nuru lil dawn it-tfal li l-falliment huwa parti mill-ħajja u li nistgħu nitgħallmu ħafna. Dan huwa parti minn proċess u fażijiet li jgħallmuna nkunu soċjetà ta’ mħabba,” ħeġġeġ Dott. Xuereb. 

Hawnhekk huwa għalaq billi stieden lil kulħadd biex ikun membru tal-Crisis Team u awgura mill-qalb li r-rata tas-suwiċidju fid-dinja tinżel għal żero permezz ta’ dawn l-istrateġiji għal nazzjonijiet sani kemm mil-lat fiżiku, kif ukoll mil-lat ta’ saħħa mentali.

Ekonomija

Sport