Friday, April 26, 2024

“Fhimna li meta konna fil-Gvern inqasna lin-nies ukoll”

Aqra wkoll

Bernard Grech b’kumitat tal-inġustizzji li jmur lura għal qabel l-2013

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, f’intervista qal li kuljum jisma’ b’każijiet ta’ persuni li ngħataw il-ġenb, oħrajn li ntefgħu f’rokna biex jippruvaw jeħilsu minnhom, mentri hemm nies li nqabżu milli jingħataw promozzjoni li kellhom dritt għaliha. Għaldaqstant il-PN ħatar kumitat tal-inġustizzji li permezz tiegħu se jisma’ dawn il-każijiet u jifhem aktar x’inhuwa jolqot lill-poplu Malti u Għawdxi. Grech stess stqarr li, minħabba meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-gvern kien hemm min sofra inġustizzj, wiegħed li l-apoloġija tagħhom mhux se tkun biss bil-kliem, iżda anke bil-fatti.

“Fhimna li meta konna fil-gvern inqasna lin-nies ukoll u għidna li se nisimgħu każijiet ta’ qabel l-2013. Issa rridu nagħtu soluzzjoni għaliha. Inti jixraqlek li ssir ġustizzja għall-inġustizzja li saret miegħek. Ma nistgħux inħassru l-passat imma nistgħu ntejbu l-preżent u l-futur tiegħek. Jieen irrid nagħti wens lil min huwa fil-bżonn”. Hekk wiegħed il-Kap tal-Oppożizzjoni fejn semma’ każijiet ta’ persuni li tneħħewlhom inġustament il-benefiċċji b’wieħed partikolari ta’ pensjonanta li minħabba li laqgħet qarib fid-dar tagħha, twaqfitilha l-pensjoni.

Grech, fid-dawl ta’ stħarriġ tal-opinjoni pubblika ppubblikat illum, qal li dan is-survey jindika titjieb għax juri li d-distakk bejn iż-żewġ partit qiegħed jonqos. Il-Kap tal-PN qal li, “is-survey għalija huwa għodda li bih ikollna indikazzjoni. Hemm titjieb żgħir però kostanti. Dan ifisser li l-messaġġ tagħna qiegħed jasal għand aktar nies, li qegħdin jifhmuna u jersqu lejna”.

Huwa qal li bħala partit iridu jagħmlu differenza u qiegħed jagħmel kuraġġ għax “it-tarġiet li qegħdin nitilgħu ftit ftit kuljum, ifisser li nistgħu nkunu gvern alternattiv. Ma jfissirx li wasalna… għad fadlilna x’nagħmlu”.

Fl-intervent tiegħu Grech enfasizza fl-importanza tal-ħarsien tal-ambjent biex ikollna ħajja sana, inkluża dik mentali. “Min imur vaganza ma jfittix il-krejnijiet u l-konkos imma jmur biex jistrieħ,” spjega l-Kap tal-Oppożizzjoni. 

Huwa qal li l-ambjent ta’ madwarna mhumiex biss il-widien, l-għelieqi u l-pajesaġġi imma wkoll l-ambjent urban, kif ukoll l-inħawi fejn ngħixu u naħdmu. “Dawn iridu jkunu tajbin, sereni u sbieħ ukoll. F’kull lokalità għandu jkun hemm spazji miftuħa bi qsari u pjanti oħra u li jkunu bla tniġġis ta’ vetturi,” saħaq Grech. 

Permezz tal-kampanja PN Greens il-Partit Nazzjonalista qiegħed jitkellem u jitlob għaqda ma’ attivisti u ambjentalisti, inklużi dawk li huwa qal, “ma jridux jafu bil-PN. Dan biex flimkien naħdmu ħalli jwettqu din il-ħolma”.

Fl-intervista Grech ma naqasx li jattakka lill-Gvern fejn tidħol il-kredibbiltà tal-pajjiż minħabba li tpoġġejna fil-lista l-griża tal-FATF u issa minħabba l-kwistjoni tal-Pilatus Bank. Min-naħa tiegħu talab biex l-imħallfin jibqgħu “bastjuni tagħna biex meta kollox ifalli, jagħmlu dak li hemm bżonn”. Huwa talab ukoll biex jieħdu ħsieb li dawk l-inkjesti li għadhom pendenti u jfittxu jlestuhom.

Barra minnhekk, Grech wiegħed li jekk jilħaq bħala Prim Ministru ta’ Malta huwa se jirtira l-proġett tal-marina f’Marsascala għax ma jridx li jħalli lill-ftit ikomplu jaħtfu l-ġid ta’ kulħadd, inkluż il-baħar.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni fi tmiem l-intervista qal li l-bidla mhiex biss meħtieġa fil-gvern iżda wkoll fl-attitudni u kif inħarsu lejn il-ħajja. Huwa nsista li din il-bidla trid issir minn kulħadd għax jekk se jkun huwa biss li jisħaq għaliha, kif diġà qalulu u kkwotaha, “inkun biss leħen li jgħajjat fid-deżert”. 

Bernard Grech temm jgħid li flimkien nistgħu nġibu din il-bidla u b’hekk inkunu nistgħu nerġgħu lil pajjiżna nwassluh fid-destinazzjoni li tixraqlu.

Sport