Saturday, December 28, 2024

Kumpanija start-up Amerikana, Trust Stamp, li stabbiliet l-operat tagħha f’Malta, diġà timpjega 26 impjegat

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

B’uffiċċji fl-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Polonja, u l-Filippini, Trust Stamp, kumpanija start-up Amerikana, reċentement stabbiliet il-preżenza tagħha f’Malta fejn ser isservi bħala bażi għar-riċerka u l-iżvilupp, u tilħaq lill-kontropartijiet u s-swieq Afrikani.

Meta żar l-uffiċċji l-ġodda tagħha, il-Ministru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar Silvio Schembri rrimarka fuq l-impenn tal-Gvern biex ikompli bl-isforzi tiegħu biex jattira l-investiment dirett barrani lejn xtutna b’mod partikolari l-istart-ups.‘Bħala Gvern qed nipprovdu l-impetu meħtieġ biex negozji ġodda jieħdu dak il-pass ’il quddiem u jimplimentaw il-proġetti u l-ideat tagħhom. Malta diġà qed tattira negozji ġodda ta’ kwalità għolja lejn xtutna u beħsiebna nżommu dan il-pass billi nippreservaw l-avvanz kompetittiv tagħha u nkomplu nipprovdu l-aqwa ekosistema għan-negozji l-ġodda biex joperaw u jiffjorixxu fi ħdanha’,  qal il-Ministru Schembri.

Il-missjoni ta’ Trust Stamp hija li jinħolqu u jintużaw soluzzjonijiet ta’ intelliġenza artifiċjali li jagħtu s-setgħa għall-inklużjoni finanzjarja u tas-soċjetà.  Dan ivarja mill-għoti ta’ aċċess għall-kontijiet u mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u qbid ta’ frodi għal bank Amerikan b’aktar minn 60 miljun klijent, b’ħidma ma’ Mastercard biex joħloq identitajiet għall-100 miljun persuna b’nuqqas ta’ dokumentazzjoni madwar l-Afrika biex jippermetti aċċess għat-tilqim, il-kura medika, u l-għajnuna.

Matul din iż-żjara, il-Ministru Schembri ħabbar li l-iskema ta’ finanzjament għall-istart-ups riċentement ġiet emendata biex tħeġġeġ lill-investituri li għadhom jibdew jinvestu u jipprovdu għażliet ta’ finanzjament aktar flessibbli, inkluż l-ispejjeż operattivi.

Il-Ministru Schembri spjega li issa l-iStartup Finance emendata se tipprovdi sa €200,000 bħala avvanz ripagabbli fuq il-kapital lill-impriżi start-ups eliġibbli, li jista’ jiżdied sa €400,000 jekk l-istart-up hija intrapriża innovattiva.

L-iskema ta’ Startup Finance kienet diġà fis-seħħ qabel il-COVID-19. Matul l-2020, Malta Enterprise approvat finanzjament għal start-ups għall-seba’ benefiċjarji. L-assistenza totali mogħtija lil dawn il-benefiċjarji hija ta’ madwar €3 miljun. Proġetti ġejjin minn oqsma differenti li huma mistennija li jkomplu jmexxu aktar it-tkabbir ekonomiku ta’ Malta jinkludi l-AI, fintech, biometrics u digital games.

“Bħala Gvern aħna qed nipprovdu l-impetu meħtieġ biex negozji ġodda jieħdu dak il-pass ’il quddiem u jimplimentaw il-proġetti u l-ideat tagħhom”

Silvio Schembri

Il-Ministru Schembri żied jgħid li t-tisħiħ tal-iskema jikkumplimenta l-programm ta’ investiment fl-infrastruttura industrijali tal-Gvern, li għandu jbiddel b’mod sinifikanti l-pajsaġġ taż-żoni industrijali tagħna. “Dan l-investiment ta’ €450 miljun, fuq perjodu ta’ seba’ snin, jinkludi wkoll investiment ta’ €14 miljun fit-titjib taċ-Ċentru ta’ Inkubazzjoni tan-Negozji f’Kordin li għandu jsaħħaħ l-innovazzjoni u l-ekonomija diġitali billi jipprovdi spazju operattiv adegwat għal negozji ġodda,” qal il-Ministru.

Kurt Farrugia, Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, spjega kif stħarriġ li sar mill-korporazzjoni fost l-istart-ups lokali wera li dawn tal-aħħar huma interessati li jallokaw fondi għall-infiq tal-kapital u tal-operat biex jidentifikaw swieq ġodda u għal skopijiet ta’ R&D. Madankollu, l-isfidi l-aktar urġenti li ltaqgħu magħhom il-benefiċjarji li għadhom jibdew kienu t-telf tal-fatturat, il-kanċellazzjoni tal-kuntratti u l-ġestjoni tal-fluss tal-flus. Barra minn hekk, l-istħarriġ wera wkoll kif l-istart-ups ibbażati fuq it-teknoloġija wrew li kienu aktar reżiljenti matul il-pandemija. Aktar importanti, ir-riżultat tal-istħarriġ wera li l-assistenza pprovduta permezz tal-wage supplement u miżuri oħra ta’ mitigazzjoni ippermettewlhom iżommu l-maġġoranza tal-ħaddiema tagħhom.

“Huwa interessanti li wieħed jinnota li l-kumpaniji intervistati esprimew l-interess tagħhom li jiġbru sa €200,000 u li kienu qed ifittxu modi biex jiġbru fondi matul din is-sena. B’hekk, permezz tal-emenda fl-iskema, l-Enterprise se tipprovdi vantaġġ essenzjali biex twettaq il-proġetti tagħhom,’  qal Farrugia waqt li żied jgħid li l-iskema hija disponibbli sal-31 ta’ Diċembru 2022.

‘L-inċentivi u l-appoġġ li Malta offriet biex jippermettulna noħolqu Ċentru ta’ Riċerka u Żvilupp li jħaffef it-tkabbir tagħna kienu importanti ħafna, u l-miżura l-ġdida bla dubju se tippermetti lil ħafna aktar kumpaniji jaraw tkabbir simili billi jinvolvu ruħhom mal-Ministeru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar u Malta Enterprise. Aħna rridu nkunu  ċittadin korporattiv b’impenn f’Malta u nieħdu sehem b’kull mod li nistgħu’, qal Gareth Genner, is-CEO ta’ Trust Stamp.

Trust Stamp toffri taħriġ intensiv lill-istudenti fl-intelliġenza artifiċjali kif ukoll opportunitajiet ta’ impjieg bħala parti mill-impenn tagħha li tiżviluppa persuni b’edukazzjoni għolja fit-teknoloġija għall-benefiċċju tal-ekonomija usa’ ta’ Malta. ‘It-tim ta’ riċerka u żvilupp ta’ Malta se jkun qed jaħdem fuq tekniki ġodda biex jippermetti l-identifikazzjoni bijometrika tat-trabi flimkien mat-tbassir effettiv tat-trażmissjoni tal-COVID u riskji virali oħra’, qal Genner.

Genner irrimarka li l-ġimgħa l-oħra l-Bank Dinji għażel it-teknoloġija tiegħu bħala s-6 finalista minn ’il fuq minn 150 kumpanija f’50 pajjiż ikkunsidrati biex jiffaċilitaw programm tal-identità globali magħruf bħala “Proġett One Billion”, proġett li jista’ joħloq €3 triljun f’valur ekonomiku globali ġdid. ‘F’Malta għaddej ħafna xogħol li eventwalment ħa jħalli impatt globali pożittiv’, qal Genner.

Ekonomija

Sport