Saturday, May 4, 2024

Kumpens ta’ €42,000 lil suldat li safa ferut f’wiċċu minn ieħor 

Aqra wkoll

Suldat ġie ordat jagħti €42,059 f’kumpens lil kollega tiegħu wara li nżamm responsabbli għall-ġrieħi li kkawżalu meta tah daqqa b’rasu f’wiċċu.

Il-kawża nfetħet fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili minn Michael Zammit ta’ 42 sena li dak iż-żmien kellu l-grad ta’ bumbardier kontra Tonio Micallef li l-grad tiegħu hu ta’ staff sargeant. 

Il-każ imur lura għall-1 ta’ Awwissu tal-2017, meta Zammit u Micallef kellhom argument bejniethom waqt li kienu qegħdin ineħħu xi armi minn fuq il-post. 

Zammit qal li d-daqqa li tah Micallef kienet waħda intenzjonata, iżda dan tal-aħħar sostna li kien inċident. 

L-Imħallef Toni Abela, li sema’ l-każ, qal li jemmen il-verżjoni tal-attur anke minħabba li l-inkjesta interna li saret fi ħdan l-armata kkonkludiet li Micallef kien ta daqqa b’rasu lil Zammit. 

Kien għalhekk li żamm lil Micallef responsabbli għal dan l-inċident u wara li qies li Zammit sofra minn diżabilità ta’ 8%, ordnalu jagħtih €42,059 f’kumpens.

Sport