Monday, May 6, 2024

Il-programmi strumentali u kif il-mużika klassika qiegħda titwarrab … għaliex?

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

‘Nabucco’. ‘Norma’. ‘Rigoletto’, ‘Giovanna d’Arco’. ‘Rigoletto’. ‘Tosca’. ‘Tannhauser’. ‘Carmen’. ‘Un Ballo in Maschera’. ‘Traviata”. ‘Il Barbiere di Siviglia’, “L Italiana in Algiers’. ‘Aida’.  Min jaf snin ilu kemm smajna minn dawn is-siltiet fil-pjazez tagħna. Siltiet ippreżentati mill-baned ta’ pajjiżna mhux biss fil-pjazez waqt il-festi imma anki fi programmi annwali li ħafna baned itellgħu. Min jaf kemm rajna anzjani u anke persuni oħra, li kienu jinstabu qrib il-planċier u jirrekordjaw huma stess dak li jkun qed jindaqq.

Għandna baned f’pajjiżna li għandhom arkivji mużikali mimlijin b’din il-mużika bi traskrizzjoni ta’ surmastrijiet Maltin u anke surmastrijiet Taljani li kienu jinġabu fis-snin tletin. Wieħed irid jirrimarka li fil-bidu l-baned tagħna kienu influwenzati ħafna mill-baned Taljani.

Kienu siltiet klassiċi li jindaqqu biex il-popolin, dak li ma setax imur it-Teatru u jara l-opra, jisma’ hu ukoll l-opra. Hu għalhekk li l-baned Maltin f’pajjiżna taw kontribut kbir biex ressqu l-opra lejn il-popolin. Ressaq l-opra u l-mużika lejn dawk il-persuni li finanzjarjament ma setgħux jixtru biljett għat-teatru.

Kienu programmi li kienu jenfasizzaw il-mużika klassika u mbagħad imżewwqa b’xi marċi militari jew xi valzi. 

Ilum il-ġurnata iżda qegħdin naraw li l-mużika klassika, qiegħda titwarrab sew mill-programmi mużikali li jtellgħu l-baned tagħna. Il-mużika li tant kienu hawn soċjetajiet kburin biha u li kienet tinħareġ mill-arkivju, qiegħda tibqa’ fl-istess arkivji. Minflok illum qegħdin naraw programmi mużikati ibbażati fuq kanzunetti u mużika pop.


Dan il-proġett huwa megħjun mill-Kunsill Malti għall-Arti

Dan għandu effett anke fuq il-kompożizzjoni tal-istess banda. Banda li ddoqq siltiet ta’ mużika klassika hi differenti minn dik li hemm bżonn biex iddoqq kanzunetti. Quddiem dan, il-mistoqsija li toħroġ hi ‘fejn sejrin il-programmi strumentali f’pajjiżna?”.

Għada f’IT-TORĊA rapport dettaljat dwar is-sitwazzjoni preżenti. Kif jaħsbuha diretturi mużikali?  X’qed iwassal għal din is-sitwazzjoni?.

Sport