Wednesday, April 24, 2024

“Se naħdem sabiex inkomplu insaħħu l-ġlieda kontra l-pjaga tal-vjolenza domestika” 

Samantha Pace Gasan, il-Kummissarju ġdid dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-vjolenza domestika m’għandekx toqgħod għaliha iżda tiġġildilha. Huwa għalhekk li għandha titkompla l-ħidma sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-pjaga tal-vjolenza domestika. Dan hu possibbli billi jitqajjem iktar għarfien dwar l-aċċessibilità tas-servizzi eżistenti. 

Dan intqal minn Samantha Pace Gasan f’kumment lil tat lil dan is-sit hekk kif ġiet maħtura bħala l-Kummissarju l-ġdid dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika. Hija qalet li bil-ħidma li se tkun qiegħda twettaq, persuni minn gruppi soċjali differenti li jkunu qegħdin ibatu fis-silenzju, se jkunu jistgħu jfittxu l-għajnuna u s-sapport neċċssarju. 

Pace Gasan irrimarkat li minbarra dak kollu, hija tinsab lesta sabiex issaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn l-entitajiet kollha sabiex dak li jissejjaħ iċ-ċirku ta’ vjolenza ikun jista’ jinkiser. Ġaladarba dan kollu jseħħ, pajjiżna se jkompli jonora l-konvenzjoni tal-Istanbul. 

Min-naħa tiegħu, il-Ministeru għall-Intern qal li fl-aħħar snin saru diversi riformi importanti f’dan il-qasam. Fost dawn hemm ir-rikonoxximent tal-femiċidju fil-kodiċi kriminali u riċentement l-introduzzjoni ta’ liġi li tagħti ċ-ċans lill-persuni biex, f’każ ta’ suspett raġonevoli, jiċċekkjaw jekk is-sieħeb jew sieħba tagħhom kinux instabu ħatja fuq vjolenza domestika fil-passat. 

Il-Ministeru żied jgħid li minkejja li saru diversi avvanzi, il-Gvern jemmen li għad fadal xogħlijiet xi jsiru u li l-ħatra ta’ Samnatha Pace Gasan kienet essenzjali. Dan minħabba l-fatt, li permezz t’hekk jiżdied it-taħriġ tal-professjonisti li jagħtu għajnuna lill-vittmi, u tkompli l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul biex in-nisa jkunu protetti minn kull forma ta’ vjolenza. 

Speċjalizzata fil-politika soċjali, Pace Gasan, bdiet il-mixja tagħha fl-attiviżmu minn età żgħira, fosthom bħala parti mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, l-għaqda Studenti Ħarsien Soċjali u l-għaqda Network of Young Women Leaders. 

Kienet ukoll membru tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza u riċerkatriċi f’numru ta’ proġetti fi ħdan il-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta.

Sport