Monday, April 20, 2026

KUNGRESS LI JĦARES LEJN MALTA AQWA 

Aqra wkoll

Il-Kungress tal-Partit Laburista, li ġie fi tmiemu l-Ġimgħa li għadda bid-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela, kien wieħed li mhux biss irrikonoxxa l-ħafna titjib li sar taħt Gvernijiet Laburisti imma wkoll iħares ’il quddiem u jippjana għaż-żmien li ġej. Kungress li serva bħala xprun għat-tfassil tal-manifest elettorali tal-Partit Laburista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss. 

Għalhekk, nemmnu li kien floku li l-partit kompla jisma’ l-ideat mingħand kulħadd, fosthom mingħand id-delegati, il-membri tal-partit, il-korpi kostitwiti, l-imsieħba soċjali, is-soċjetà ċivili u oħrajn li resqu ’l quddiem bil-proposti tagħhom. Dan fl-isfond li r-realtajiet tal-lum mhumiex l-istess bħal dawk ta’ snin ilu u anke fil-kuntest tal-avvanzi mgħaġġla li qed isiru b’mod partikolari fid-dinja tax-xogħol. 

U għalhekk nilqgħu l-aħbar li l-ideat li tressqu min-nies se jkunu qed jiġu nklużi fil-manifest elettorali tal-PL. Kien proprju għalhekk ukoll li l-għajta tal-Partit Laburista f’dan il-Kungress kienet dik sabiex in-nies jiktbu l-kapitlu li jmiss. Partit li qiegħed juri kemm tassew huwa miftuħ għal kulħadd. Iżda fuq kollox li dak li jwiegħed, iwettqu. 

Tant hu hekk, li diġà ġew imwettqa aktar minn 80% tal-manifest elettorali Malta Flimkien. U issa, kif ta x’jifhem il-Prim Ministru stess, il-manifest elettorali li se jkunu qed jippreżentaw għall-elezzjoni li jmiss se jkun aktar ambizzjuż minn dak ta’ qablu. 

Huwa dak li fil-fehma tagħna, il-poplu Malti u Għawdxi jixtieq ikompli jara – Malta li tkompli miexa ’l quddiem, Gvern li jkompli jinvesti fis-soċjal, li jnaqqaż il-piż tat-taxxi minn fuq il-familji u n-negozji fl-istess waqt li jifrex il-prosperità ekonomika ma’ kull rokna tal-gżejjer tagħna. Barra minn hekk, qed tingħata garanzija dwar is-sigurtà fil-provvista u stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija għall-familji u n-negozji. 

Ninsabu konvinti li l-ħidma li qed iwettaq dan il-Gvern qiegħda tkun apprezzata mill-poplu. Tant hu hekk li diversi stħarriġ tal-opinjoni pubblika qegħdin jindikaw fiduċja b’saħħitha fil-Partit Laburista u anke f’Robert Abela bħala Prim Ministru. Turija ta’ kemm il-PL għadu moviment b’saħħtu u għadu jgawdi vantaġġ b’saħħtu fuq il-Partit Nazzjonalista kemm fil-livell ta’ partiti u anke bejn il-mexxejja.

F’dan ix-xenarju kollu, nemmnu li l-Kungress tal-PL serva bħala pedament importanti għall-viżjoni li għandu Gvern Laburista għas-snin li ġejjin. Viżjoni b’saħħitha ta’ Malta Aqwa. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport