Kunsill Nazzjonali għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi? “L-aktar soluzzjoni vijabbli”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-argument demokratiku…vuċi istituzzjonali anke jekk mhux neċessarjament dritt għal siġġu elettorali

Ovvjament fi kwistjoni bħal din iqum l-argument demokratiku favur il-ħaddiema minn pajjiżi terzi, dak li jkollhom vuċi istituzzjonali fil-Parlament, anke jekk mhux neċessarjament tfisser dritt għal siġġu elettorali. Il-prinċipji ewlieni dejjem hu “ebda tassazzjoni bla rappreżentanza”, prinċipju li matul is-snin rajna ġlidiet sħaħ dwaru mill-klassi tal-ħaddiema. 

Wieħed mill-mekkaniżmi mħaddem barra hu dak ta’ kunsilli konsultattivi tal-immigranti. Mekkaniżmu li anke l-Kunsill tal-Ewropa rrikonoxxa wkoll l-importanza tiegħu.

IT-TORĊA tkellmet ma’ rappreżentant ta’ organizazzjoni li tiġbor fiha ħaddiema minn pajjiż terz partikolari. Ma xtaqx li jkun ikwotat b’ismu jew bl-isem tal-organizazzjoni. 

Kamal (isem mibdul biex nipproteġu l-identità tiegħu) jgħidilna li “naħseb li hu importanti li jkun hemm xi ħaġa simili, għax b’hekk wieħed jista’ jevità li jkollu s-sitwazzjoni ta’ tensjoni li kellna fl-aħħar jiem. Li wieħed jikkonsulta u jwassal il-messaġġ ta’ xi jkun se jsir, tgħin biex jinħoloq djalogu fis-soċjetà. F’pajjiżi oħra Ewropej hemm mekkaniżmi f’dan is-sens. Ħa nkun ċar. Mhux qiegħed ngħid li nkunu fil-Parlament jew nikkontestaw elezzjonijiet.  Li qed ngħid hu rappreżentanza li biha ssir konsultazzjoni magħna.”

X’jista’ jsir?

Din ir-rappreżentanza tista’ titħaddem billi jkun hemm rappreżentanza ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi  fil-Parlament u dan billi persuna li tirrappreżenta l-interessi tagħhom u tipparteċipa f’diskussjonijiet Parlamentari. Jista’ kun hemm Kunsill konsultattiv nazzjonali, li fih ikun hemm rappreżentanti eletti mill-ħaddiema barranin li jkollhom dritt jippreżentaw proposti lill-Parlament.

Wieħed jista’ jesplora l-possibilità u hemm diversi metodi ta’ kif dan isir, dwar meta jiġu diskussi liġijiet dwar l-immigrazzjoni, ix-xogħol, il-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, fejn dawn il-ħaddiema jkollhom vuċi diretta.

Il-prinċipju fundamentali

Il-prinċipju fundamentali jibqa’ dak ta’ “ebda tassazzjoni mingħajr rappreżentanza’. Dan ifisser li ħaddiem kemm jekk hu ċittadin ta’ dak il-pajjiż imma anke ħaddiem minn pajjiż terz, li jikkontribwixxu għall-ekonomija, iħallsu t-taxxi u s-sigurtà soċjali, u jgħixu fil-pajjiż għandu jkollhom mezz effettiv biex il-vuċi tagħhom tasal għand dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet.

Dan il-prinċipju għandu rabta mar-Rivoluzzjoni Franċiża, fejn jitqajjem il-punt ta’ min iġorr il-piż tat-taxxi x’vuċi għandu jkollu fit-tmexxija tiegħu.  Trid issir distinzjoni bejn ‘rappreżentanza’ u ‘drittijiet għall-vot’.  Persuna tista’ tkun rappreżentata permezz ta’ konsultazzjoni, organizzazzjonijiet u rappreżentanti politiċi, mingħajr ma jkollha dritt tivvota jew toħroġ bħala kandidat.

Il-mistoqsija kruċjali hi dik ta’ jekk persuna tikkontribwixxi finanzjarjament għall-Istat, għandux ikollha wkoll vuċi politika dwar kif jitmexxa dak l-Istat?

Hu punt li joħloq diskussjoni  fosthom dak jekk id-drittijiet demokratiċi għandhomx ikunu marbutin maċ-ċittadinanza jew mar-residenza fit-tul. Ma’ dan imbagħad iqum il-punt ta’ jekk għandux ikun hemm dritt ta’ vot lokali għal ħaddiema minn pajjiżi terzi li ilhom jgħixu f’pajjiż għal numru ta’ snin.  Ma jonqosx li jqumu argumenti dwar kif tista’ ssir distinzjoni bejn id-drittijiet taċ-ċittadinanza u d-drittijiet ta’ persuni li jgħixu u jaħdmu legalment fil-pajjiż.

Is-sitwazzjoni f’Malta

Jekk nieħdu l-liġi Maltija naraw li l-Artikolu 57 tal-Kostituzzjoni jistabbilixxi li biex persuna tivvota fl-elezzjoni ġenerali trid tkun ċittadina Maltija. Għalhekk, rappreżentanza formali bħala MP tkun teħtieġ tibdil legali u kostituzzjonali. 

Są issa f’pajjiżna, ħaddiema terzi m’huma rappreżentati fl-ebda kumitat Parlamentari, għalkemm hemm kumitat li fihom jista’ jkun hemm rappreżentanza jew konsultazzjoni dwar materji li jolqtu lil ħaddiema terzi. 

Rappreżentant fil-Parlament?

Sorsi legali li tkellmu ma’ IT-TORĊA qalulna li “fil-mument il-liġi Maltija ma ttikx li jkun hemm rappreżentant fil-Parlament Malti li jkun ġej minn ħaddiema li ġejjin minn pajjiżi terzi. Dan għas-sempliċi raġuni li l-liġi tgħid li biex tikkontesta elezzjoni trid kun ċittadin Malti.”

Jisħaq li “ma jfissirx li ma jista’ jsir xejn dwar. Jista’ kun hemm tibdil fil-liġi biex permezz t’hekk jiġi stabbilit rappreżentant nazzjonali tal-ħaddiema minn pajjiżi terzi. Dan irid ikun magħżul permezz ta’ proċess elettorali trasparenti mill-komunitajiet ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi, skont regoli ċari li jkunu ġew stabbiliti. Dan ir-rwol tiegħu ikun ċar dak li jirrappreżenta  l-interessi u t-tħassib ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi. Ovvjament bisex dan iseħħ irid kun hemm tibdil kostituzzjonali u legali. Fil-preżent xi ħaġa simili ma tistax iseħħ għax il-liġi żżommok. Nifhem ukoll li fil-mument hi xi ħaġa li toħloq kontroversja kbira fil-mument jekk ikollok tibda tiddiskutiha. Ma naħsibx li l-pajjiż hu preparat għal din is-sitwazzjoni”. 

Kunsill Nazzjonali ta’ ħaddiema terzi “l-aktar soluzzjoni vijabbli”

L-istess sors legali qalilna li “naħseb li l-aktar soluzzjoni vijabbli għas-sitwazzjoni tagħna hi dik ta’ kunsill nazzjonali li jirrappreżenta lill-ħaddiema minn pajjiżi terzi.  Dan għandu jkollu rappreżentanza wiesa’ u jinkludi fih rappreżentanti ta’ ħaddiema minn diversi pajjiżi terzi. Mhux kull ħaddiem terz ikollhom l-istess problemi, tħassib jew diffikultajiet. Dak ġej mill-Indja jaf ikollu tħassib u problemi mod, u dawn li ġejjin minn Nepal jaf ikollhom ikollhom problemi differenti. Hemm dawn ġejjin minn pajjiżi mill-Amerika t’Isfel li l-kwistjoni tagħhom ikunu għal kollox differenti.”

L-istess sors legali qalilna li “r-responsabbiltajiet ta’ kunsill nazzjonali ikunu diversi fosthom jisma’ l-problemi tal-ħaddiema barranin. Jiddiskuti l-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-pagi u l-akkomodazzjoni. Jirrappreżenta komunitajiet differenti mingħajr ebda diskriminazzjoni. Minn dawn id-diskussjonijiet jistgħu jinħarġu proposti, li jgħadduhom lill-Gvern”.

L-istess sors qalilna li “jqumu kwistjonijiet dwar ir-rappreżentant tal-ħaddiema barranin xi rwol se jkollu. Qiegħed dan għax tqum mistoqsija bħal għandu dritt jipparteċipa f’seduti Parlamentari u f’kumitati?  Se jkollu dritt li jippreżenta dokumenti u rakkomandazzjonijiet? Jista’ jkollu dritt li jindirizza l-Parlament? Dawn huma domandi li bħala soċjetà irridu nagħmlu u niddiskutu. Nifhem li jistgħu jqajmu l-kontroversji, imma rridu naċċettaw li s-soċjetà tagħna inbidlet”.

Ħaddiema terzi m’għandhomx ikunu biss preżenti f’soċjetà u fl-ekonomija

Illum hu fatt li minħabba l-mod kif kiber is-settur ekonomiku u minħabba l-fatt li għadd ta’ xogħlijiet ma ssibx Maltin biex jaħdmu fihom u għalkemm żdiedu l-ħaddiema minn pajjiżi terzi, ir-realtà hi li spiss dawn il-ħaddiema iħossuhom fil-ġenb tas-soċjetà Maltija u litteralment użati mis-sistema ekonomika.

Illum ir-realtà qiegħda turina li s-soċjetà Maltija għandha tiddiskuti biex tara li Malta jkollha sistema fejn ħaddiema minn pajjiżi terzi ma jkunux sempliċement preżenti fis-soċjetà u fl-ekonomija, iżda jkollhom ukoll mezz istituzzjonali biex il-vuċi tagħhom tinstema’. Hu ċar ħafna li l-ebda komunità li tgħix, taħdem u tikkontribwixxi lis-soċjetà Maltija m’għandha tkun mingħajr mezz effettiv biex tesprimi l-interessi u t-tħassib tagħha.”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport