Sunday, November 15, 2026
Home Internazzjonali L-Ewropa dieħla fi kriżi soċjali?

L-Ewropa dieħla fi kriżi soċjali?

0
26

Mill-Portugal għal Spanja, Franza, Ġermanja, Belġju, Italja, Polonja, Greċja u l-Albanija. Kollha pajjiżi maħkumin minn tensjonijiet soċjali kbar. Protesti u azzjonijiet industrijali ma jaqtgħu xejn, li f’ħafna każi spiċċaw b’mod vjolenti. Illum il-mistoqsija li qiegħda ssir u dan hekk kif fi tmiem din il-ġimgħa li se nibdew hemm ippjanati jiem ta’ protesti u strajkjiet, hi dik ta’ jekk l-Ewropa  hix dieħla fi kriżi soċjali. Kollox jindika li hemm sinjali ċari ta’ tensjoni soċjali li qed tikber aktar mhu jgħaddi żmien.  Minkejja dawn il-protesti kollha, li qegħdin isiru fl-istess żminijiet, ir-raġunijiet li wasslu għalihom huma diversi.  Biss għalkemm ir-raġunijiet huma differenti  hemm kwistjonijiet li huma simili fosthom  li l-paga mhix qed tagħtihom biżżejjed sigurtà biex jgħixu b’dinjità. Fi Spanja qamet il-kwistjoni ta’ żieda fil-kirjiet, dan flimkien ma’ tħassib dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel, fil-prezzijiet tal-enerġija u s-servizzi pubbliċi.

It-tensjoni se tkompli fil-jiem li ġejjin…il-Ġimgħa u is-Sibt bi protesti u strajkijiet

Intant, fil-jiem li ġejjin, eżattament fi tmiem il-ġimgħa li ġejja, il-protesti u l-azzjonijiet industrijali se jkomplu. Dawn se jibdew mis-17 ta’ Novembru, b’azzjonijiet fl-20 u l-21 ta’ Novembru f’diversi pajjiżi u wara jkomplu azzjonijiet oħrajn.

Fi Franza, is-sitwazzjoni baqgħet waħda mill-aktar ta’ tensjoni, fejn taħdidiet li saru ftit li xejn wasslu għal progress. Filfatt fis-17 ta’ Novembru se jerġa’ jsir strajk nazzjonali ieħor.  Fih se terġa’ ssir it-talba għal żieda fil-pagi minħabba l-inflazzjoni. Kif ġara fil-jiem li għaddew mistennija jkun hemm tensjoni kbira fl-ibliet il-kbar, l-aktar Pariġi.

Strajk nazzjonali fl-20 u 21 ta’ Novembru fl-Italja

Intant fl-Italja, is-sitwazzjoni ta’ tensjoni baqgħet waħda għolja ħafna, tant li ssejjaħ strajk ġenerali ieħor għal bejn l-20 u l-21 ta’ Novembru. Dakinhar se ssir mobilizzazzjoni tal-ħaddiema mill-union CGIL fis-setturi pubbliċi u privati. Huma qegħdin jitolbu kill żieda fil-pagi u l-pensjonijiet. Qegħdin jitolbu ukoll aktar finanzi iddedikati għas-saħħa u l-edukazzjoni.  Dawn il-protesti, apparti dawn it-talbiet, qegħdin isiru b’oppożizzjoni għall-politika ekonomika tal-Gvern immexxi minn Giorgia Meloni.

Protesta kkordinata f’għadd ta’ pajjiżi Ewropej il-Ġimgħa u s-Sibt

Il-mod kif l-għoli tal-ħajja qiegħda tifni għadd ta’ pajjiżi, fejn għadd ta’ kumpaniji kbar ħabbru li se jkunu qegħdin jgħollu l-prezzijiet u oħrajn ħabbru li se jirrevedu l-prezzijiet tagħhom, wassal biex inħoloq li se jopponi dan għal jumejn sħaħ bejn l-20 u t-22 ta’ Novembru.

Apparti l-prezzijiet tal-ikel, qiegħed ikun hemm żidiet sew fil-ħlasijiet tat-trasport kemm bil-baħar u anke bl-art. Dawn qegħdin jaffettwaw diversi żoni fl-Ewropa b’mod partikolari gżejjer bħal Sqallija u Ċipru. Diversi kumpaniji anki marittimi ħabbru li għollew il-prezzijiet u dan mistenni jkollu effett anki fuq pajjiżna.  F’din il-mobilizazzoni hemm involuti diversi pajjiżi fosthom Franza, Belġju, Renju Unit, Spanja, Greċja, Italja u l-Portugal.

Mobilizazzjoni sħiħa fil-Belġju

Il-Belġju ukoll jinsab milqut minn azzjonijiet industrijali u protesti. Bejn it-23 u s-26 ta’ Novembru mistennija jkun hemm tensjoni kbira u dan hekk kif fit-23 ta’ Novembru se ssir dimostrazzjoni nazzjonali fi Brussell. L-għada 24 ta’ Novembru se jeun hemm strajk tal-ferroviji u t-trasport pubbliku. Fil-25 ta’ Novembru se jkun hemm strajk fis-settur pubbliku, waqt li fis-26  strajk ġenerali bejn is-settur pubbliku u privat. Ir-raġuni hi l-miżuri ta’ awsterità u l-politika tal-gvern dwar il-baġit u s-servizzi pubbliċi. 

Jitkellmu l-ħaddiema….”issa ma nistgħux inmorru lura”

IT-TORĊA ġabret kummenti mingħand diversi ħaddiema Franċiżi dwar dak li għaddej f’pajjiżhom.  Rafael Acevedo, jgħid li “rridu nirringrazzjaw lil dik li ngħidulha Generation Z.  Dawn urew kemm huma kuraġġużi. Urew kemi huma responsabbli u kemm kapaċi jkunu rilevanti.  Ħaddiema minn fabbriki, mis-settur pubbliku u oħrajn spiċċaw ingħaqu ma’ żgħażagħ u studenti. Ġenerazzjonijiet differenti niżlu fit-toroq u qalu daqshekk għall-isfruttament industirjali.  Generation Z irnexxielha tagħmel xi ħaġa li konna ilna ma narawha.  Għaqqdet u ġabet fliemkin, ġenerazzjonijiet differenti. U tifhem għaliex. Għax iż-żgħażagħ huma l-futur.”

Jikkummenta Daniel Verger, pensjonant. Jgħid li “ma nafx hux se nirbħu din il-ġlieda. Hemm bżonn li tkompli kif qed isir. Li nista’ ngħid żgur hu li kieku ma inbdietx din il-ġlieda, kieku aħna diġa telliefa”.

Laurence Bachman, jiddikjara li “issa mhemmx lok li nmorru lura minn din il-ġlieda. Se nkomplu. Aktar ma ningħaqdu aktar nissaħħu”.

Ben Ghalba jgħid li “veru li hawn it-theddida tal-għoli tal-ħajja. Imma jien qiegħed nara theddida akbar.  U ħafna niżlu fit-toroq proprju minħabba din it-theddida. Din hi dik tal-armi nuklejari. Nemmen li l-popli kollha madwar id-dinja għandhom jinżlu fit-toroq kontra l-armi nuklejari. Għandhom jinżlu fit-toroq biex jipproteġu ħajjithom, ta’ uliedhom u ta’ dawk li ġejjin warajna. Ma nistgħux nibqgħu b’politiċi jilagħbu b’ħajjitna”. 

Ir-raġunijiet għall-protesti u l-istrajks ġenerali

Prattikament dak li qed naraw jiġri f’għadd ta’ pajjiżi Ewropej  hu li l-ħaddiema qegħdin iħossu li qed jitilfu l-livell tal-għajxien tagħhom, minkejja li jibqgħu jaħdmu u jħallsu t-taxxi. U din ir-rabja qed tinfirex minn pajjiż għal ieħor. Mhix sempliċement kwistjoni ta’ pagi. Hemm kriżi ekonomika u soċjali ferm aktar wiesa’ li qed taffettwa lill-familji, ħaddiema, pensjonanti u liż-żgħażagħ.

Waħda mir-raġunijiet hi li qegħdin iħossu li l-pagi m’għadhomx biżżejjed biex ilaħħqu mal-ħajja. L-ikel sar aktar għali għax l-inflazzjoni qiegħda tiżdied.  L-enerġija u l-gass saru jiswew aktar. Iż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil qed jagħmel pressjoni kbira fuq il-familji. Il-pagi f’ħafna setturi ma żdidux bl-istess rata tal-prezzijiet.

Minn naħa tagħhom il-ħaddiema qed jargumentaw li qed jaħdmu daqs qabel jew aktar, iżda fl-aħħar tax-xahar qed jibqgħalhom inqas flus.

Kriżi fl-akkomodazzjoni

F’pajjiżi bħalma Spanja, il-Portugal, Franza u l-Italja, il-kirjiet saru problema kbira u hemm protesti kbar dwar dan. Hemm problemi kbar biex żgħażagħ  isibu dar affordabbli. Il-pensjonanti ukoll għandhom problemi biex jibqgħu jgħixu b’ċertu kirjiet. F’dawn il-pajjiżi hemm sitwazzjonijiet fejn ħafna familji jonfqu parti kbira mill-paga fuq il-kera.  Apparti dan il-mod kif żdiedu l-prezzijiet tal-proprjetà qed jagħmluha diffiċli biex wieħed jixtri dar. 

Ma tonqosx ir-rabja għall-ispekulazzjoni. Din hi xi ħaġa li infirxet sew fejn qegħdin naraw investituri li  jixtru proprjetajiet għall-profitt u għalhekk qegħdin joħolqu pressjonijiet kbira fuq il-prezzijiet tal-proprjetajiet.

Tnaqqis fin-nefqa pubblika

Il-kwistjoni tal-infieq fuq in-nefqa pubblika ukoll wasslet għal rabja kbira kemm fi ħdan l-unions u anke fost il-ħaddiema u organizazzjonijiet oħra.  F’diversi pajjiżi, il-gvernijiet qed jippruvaw jikkontrollaw id-dejn u l-iżbilanċ finanzjarju billi jnaqqsu jew jillimitaw in-nefqa. It-tħassib tal-unions u l-ħaddiema hu li l-Gvernijiet inaqqsu mis-servizzi tas-saħħa, inaqqsu ir-riżorsi fl-iskejjel, jiffriżaw il-pagi fis-settur pubbliku, waqt li l-pensjonijiet u benefiċċji soċjali jispiċċaw ukoll taħt pressjoni.

Politiċi ‘inkompetenti’…u l-flus għall-armamenti u l-gwerer


Ma jonqosx li hemm rabja għal politiċi meqjusin bħala ‘inkompetenti’. Il-ħaddiema u anki l-unions qegħdin jaraw li l-Unjoni Ewropea u anki l-pajjiżi li qegħdin jgħixu fihom huma, qegħdin jibqgħu jagħtu flejjes u għajnunijiet kbar lill-Ukrjana u dan sempliċiment biex itawwal il-gwerra. Waqt li jaraw dan l-infieq fuq l-armi, huma qegħdin jesperejnzaw miżuri ta’ awsterità f’diversi oqsma.

Unions u ħaddiema b’mod partikolari fl-Italja, qegħdin jistaqsu  għaliex hemm aktar flus għall-armamenti? Għaliex ma jkunx hemm aktar flus għall-isptarijiet? Għaliex l-iskejjel għandhom nuqqas ta’ riżorsi? Għaliex il-pensjonanti u l-ħaddiema jridu jerfgħu aktar spejjeż?
Fl-Italja, l-Union USB qed torbot direttament il-protesti tagħha mal-infiq militari u n-nuqqas ta’ investiment fis-servizzi pubbliċi.

Il-ħaddiema qegħdin dejjem aktar jitilfu l-fiduċja fil-politika u l-politikanti

F’dawn il-protesti u azzjonijiet li qegħdin isiru toħroġ ukoll ir-rabja lejn il-mod kif qed jitmexxew il-pajjiżi. Sezzjonijiet sħaħ tal-popli llum qegħdin iħossu li l-politiċi mhux qed jifhmu il-problemi tagħhom.
Qegħdin iħossu ukoll li kumpaniji kbar multi nazzjonali għandhom influwenza kbira, tant li qegħdin jinfluwenzaw bil-kbir il-politika tal-gvernijiet.

Waqt li jsir dan, huma l-ħaddiema li qed iġorru piż akbar minn gruppi oħra fis-soċjetà. Wegħdiet politiċi li saru ma twettqux jew ma wasslux għal titjib fil-ħajja ta’ kuljum.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here