Saturday, November 23, 2024

Kunsilli Lokali u għaqdiet joġġezzjonaw għall-pjanti riveduti tal-proġett ta’ DB Group f’Pembroke

Aqra wkoll

Kunsilli Lokali u għaqdiet se jkunu qed joġġezzjonaw għall-pjanti l-ġodda sottomessi mid-DB Group fir-rigward tal-iżvilupp f’Pembroke fuq is-sit fejn qabel kien hemm l-ITS. Dan minħabba li l-pjanti riveduti bl-ebda mod ma jindirizzaw it-tħassib dwar l-impatt negattiv li l-proġett se jkun qed iħalli fuq il-kwalità tal-ħajja u l-ambjent. Qalu dan fi stqarrija konġunta il-Kunsilli Lokali ta’ Pembroke, San Ġiljan u s-Swieqi, flimkien mal-għaqdiet Bicycle Advocacy Group, BirdLife Malta, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Isles of the Left, Moviment Graffitti, Nature Trust Malta, The Archaeological Society of Malta, u Żminijietna – Leħen ix-Xellug.

Il-Kunsilli Lokali flimkien mal-għaqdiet qed jobjezzjonaw li l-bidliet li hemm fil-pjanti riveduti jinkludu tnaqqis żgħir fl-għoli tat-torri iżda ma jinkludu l-ebda bidliet sinifikanti fil-wisa’ u l-għoli tal-lukanda.

Huma komplew jisħqu li lanqas m’hemm bidliet sinjifikanti fin-natura tal-proġett u fl-attività li se jkun qiegħed joħloq, u bil-pjanti riveduti Paceville xorta se jkun qed jinvadi lil Pembroke u s-Swieqi peress li l-proġett se jiġġenera attività kummerċjali kbira u bla waqfien f’żona li kienet iddisinjata mill-Gvern għall-skopijiet residenzjali.

L-istqarrija tkompli tgħid li barra minn hekk, din l-attività se toħloq iktar pressjoni għal żvilupp kummerċjali simili f’Pembroke u s-Swieqi fil-futur qarib. 

Dan apparti li l-proġett se jkompli wkoll ikun ta’ theddida għaż-żewġ siti ta’ Natura 2000 li hemm ħdejh kif ukoll għal Għar Ħarq Ħamiem, kemm waqt il-fażi tal-kostruzzjoni kif ukoll waqt li jkun qed jopera.

Sport