Monday, December 23, 2024

“Kuntent wisq bit-tifla … l-unika problema li għandi kif se nevita li tiltaqa’ ma’ nies bħalek”

Bosta jikkundannaw l-implikazzjoni ta' Phyllisienne Brincat li l-mard u d-diżabbilità ġejjin mid-dnub

Aqra wkoll

Diversi persuni kkundannaw il-kummenti tal-kantanta Phyllisienne Brincat li waqt il-programm ta’ diskussjoni “Popolin” qalet li l-mard u d-diżabbilità ġejjin mid-dnub.

Fost dawn kien hemm Lawrence Mangion li bħala missier ta’ tifla mill-aktar maħbuba b’mod speċjali mal-Ħamruniżi staqsa lill-istess Brincat kif ma tistħix tmur titkellem fuq it-televiżjoni.
“Serraħ rasek li wisq kuntent bit-tifla tiegħi u l-unika problema li għandi hija kif se nevita lil binti li tiltaqgħa ma’ nies injoranti bħalek”, sostna missier iċ-ċkejkna Amber.

Minn naħa tagħha Brincat qalet ukoll li Alla lilna ħalaqna perfetti u ma ħalaqniex biex immutu imma fl-istess ħin sostniet li meta nitwieldu nagħmlu dan taħt is-saltna ta’ Satana. Hija sostniet li d-dnub jintiret minn ġenerazzjoni għal oħra u sostniet li d-dinja nsteħtet meta daħal id-dnub.

Żagħżugħ li għandu l-awtiżmu kkonfrontaha u qalilha li kienet qed titfa’ stigma fuq il-persuni b’diżabbilità fejn Brincat ċaħdet li kienet qiegħda tagħmel dan.

Fost dawk li rreaġixxew għall-kummenti tagħha kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport u l-eks membru parlamentari Oliver Scicluna. Scicluna qal li kellmuh diversi nies dwar il-kummenti ta’ Brincat u ddeskriva bħala “atroċità” li persuna tasal tgħid li persuna b’diżabbilità ġejja mid-dnub.

Filwaqt li saħaq dwar il-ħtieġa li ma jibqax jiġi tollerat ċertu diskors, huwa qal li jemmen li Brincat hija mara tajba u ma jaqbilx ma min qed jgħajjarha.

Anke l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbilità u d-Direttur tad-Dar tal-Providenza Fr Martin Micallef ikkundannaw il-kummenti ta’ Brincat.

Il-PBS tiddiżasoċċja ruħha mill-kumenti ta’ Phylisienne Brincat

B’referenza għal programm Popolin, imxandar ilbieraħ b’mod dirett fuq TVM, il-PBS iddiżassoċjat ruħha u kkundannat bla riżerva dak li qalet is-Sinjura Phylisienne Brincat dwar persuni b’diżabilità waqt dan il-programm.

Il-PBS qalet li l-istqarrija tas-Sinjura Brincat imorru kontra l-valuri li tħaddan u tippromwovi l-PBS bħala xandar pubbliku.

Ekonomija

Sport