Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ħabbar pass importanti fil-modernizzazzjoni tas-servizzi onkoloġiċi pubbliċi, permezz tal-introduzzjoni ta’ trattament innovattiv għall-kanċer tas-sider “HER2-positive”. Din l-inizjattiva tifforma parti minn strateġija li għandha l-għan li tkompli ssaħħaħ il-kwalità, l-aċċess u l-esperjenza tal-pazjent fis-servizz tas-saħħa pubblika.
Il-Ministru Abela spjega kif it-trattament il-ġdid, li jgħaqqad żewġ mediċini bijoloġiċi trastuzumab u pertuzumab (Phesgo), joffri vantaġġ sinifikanti billi din tingħata bħala injezzjoni taħt il-ġilda fi ftit minuti minflok sigħat, meta mqabbel ma’ terapiji tradizzjonali. Qal kif dan it-trattament jiftaħ it-triq għal terapija li tista’ tingħata fid-djar. Hekk jonqos l-iskarriġġ għall-pazjenti. Huwa stmat li madwar 85 pazjent se jibbenefikaw direttament minn dan it-trattament fl-ewwel sena, b’investiment li jilħaq diversi miljuni ta’ ewro.
“Dan mhux biss itejjeb il-kumdità tal-pazjenti, iżda jikkontribwixxi wkoll għal użu aktar effiċjenti tar-riżorsi tas-saħħa”, tenna Dr Abela.
Il-Ministru Abela qal kif wara proċess strutturat ta’ evalwazzjoni u preparazzjoni, dan it-trattament issa jinsab fil-fażi finali qabel ma jsir aċċessibbli fis-servizz pubbliku fil-ġimgħat li ġejjin. Saħaq li dan l-investiment huwa maħsub għal pazjenti f’diversi stadji, minn stadji bikrin sa każijiet aktar avvanzati, li se jiġi implimentat skont protokolli stretti ta’ governanza klinika u evidenza xjentifika.
“Din l-inizjattiva tirrifletti impenn kontinwu biex jiġu introdotti terapiji moderni li mhux biss itejbu r-riżultati kliniċi, iżda wkoll l-esperjenza tal-pazjent. Fl-istess ħin, hija parti minn viżjoni usa’ li tħares lejn sistema tas-saħħa sostenibbli, effiċjenti u ċċentrata fuq il-pazjent. L-għan jibqa’ wieħed, li tiġi pprovduta kura ta’ kwalità għolja li tkun aċċessibbli, ġusta u responsabbli għal kulħadd,” temm jgħid Dr Abela.


