F’ċerimonja li fakkret il-ġrajjiet tas-Sette Giugno 1919, l-Ispeaker Anġlu Farrugia tkellem ukoll dwar il-bżonn ta’ aktar effiċjenza fil-ħin li jiġi allokat għad-dibattitu fil-Parlament. Qal li meta wieħed iqis in-numru ta’ akbar ta’ membri parlamentari li għandhom id-dritt jitkellmu fuq kull mozzjoni, abbozz ta’ liġi jew materja oħra, għandu jsir tibdil sabiex jonqos il-ħin massimu allokat għall-interventi fil-Kamra. “M’għandix dubju li kwalunkwe intervent jista’ jsir f’20 minuta jew inqas,” qal Dr Farrugia.
“Jekk forsi hemm bżonn aktar ħin sabiex jintlaħaq qbil dwar l-emendi neċessarji għall-Ordnijiet Permanenti, anke kif ġara f’leġiżlaturi preċedenti, il-Kamra għandha taqbel dwar mozzjoni ta’ proċedura li tistipula li l-ħin massimu ta’ intervent fil-Parlament ikun ta’ 20 minuta. B’dan il-mod nemmen li l-ħin talKamra jista’ jsarraf f’aktar xogħol fl-interess tal-ġid komuni, kif wara kollox huwa mistenni mir-rappreżentanti tal-poplu Malti,” qal l-Ispeaker.