Tuesday, May 14, 2024

“Wasal iż-żmien li ċ-ċittadin ikollu dritt jirrispondi dak li jintqal dwaru fil-Parlament”

L-Ispeaker Anġlu Farrugia f’ċerimonja li fakkret il-ġrajjiet tas-Sette Giugno 1919

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia ddikjara li wasal iż-żmien li naraw li jitwettaq is-‘citizen’s right of reply’, mekkaniżmu fejn ċittadin ikollu d-dritt li jirrispondi għal dak li jkun intqal dwaru fil-Parlament. 

Huwa sostna li filwaqt li huwa essenzjali li l-privileġġ parlamentari jinżamm biex l-ebda deputat ma jibża’ jgħid il-verità, daqstant ieħor huwa imporanti li ħadd ma juża dan il-privileġġ b’mod abbużiv u li jagħmel ħsara lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma jistgħux jirrispondu u jiddefendu lilhom infushom fil-Parlament. 

Dr Farrugia qal dan f’diskors li għamel f’ċerimonja li saret ilbieraħ filgħaxija li fakkret l-irvellijiet tas-7 ta’ Ġunju, 1919. Huwa qal li sal-lum persuni li jħossu li fil-konfront tagħhom saru dikjarazzjonijiet skorretti minn xi membri Parlamentari waqt li jkun qed jindirizza lill-Kamra jew lil xi Kumitat, m’għandhom l-ebda rimedju. 

Huwa nnota li hemm diversi mudell, b’mod partikolari fil-Commonwealth, li wieħed jista’ jikkonsidra li jadotta meta jiġi biex jintroduċi din il-proċedura parlamentari. Mudell interessanti huwa dak li jintuża fil-Parlament ta’ New Zealand fejn hu l-Ispeaker li jara u jiddeċiedi jekk dak li jkun intqal fil-Parlament minn xi membru taħt il-privileġġ parlamentari setax kellu impatt negattiv fuq ċittadin, f’liema każ, mingħajr ma jidħol fil-mertu tal-kumment li jkun ta lok għall-ilment, jippermetti li fir-rekords tal-Kamra tidħol ukoll il-kjarifika li jkun għamel tali ċittadin. 

F’mudelli oħrajn fil-Commonwealth, l-Ispeaker jirreferi l-ilmenti li huwa jirċievi għall-konsiderazzjoni u d-deċiżjoni ta’ Kumitat Parlamentari. “Minkejja li dan il-kunċett mhux daqstant komuni barra l-Commonwealth, dan m’għandux iżommna lura milli ndaħħlu din il-proċedura parlamentari li tipprovdi rimedju lil dawk iċ-ċittadini li jħossu b’mod ġusifikat li l-privileġġ parlamentari kien abbużat fil-konfront tagħhom. Dan kif għamilna ftit tas-snin ilu bil-qbil taż-żewġ naħat tal-Kamra meta introduċejna miżuri biex ċittadini ma jkollhomx għalfejn javviċinaw Membru Parlamentari biex jippreżentaw petizzjoni lill-Parlament,” żied jgħid l-Ispeaker. 

“Illum ċittadin jaf li jekk il-petizzjoni tiegħu tkun tissodisfa l-kriterji stabbiliti, din se tersaq quddiem il-Kumitat Permanenti dwar il-Petizzjonijiet. Għalhekk, bħalma l-Parlament għamel passi ’l quddiem f’dan ir-rigward, hekk ukoll nemmen li hu opportun li nibdew naraw kif nindirizzaw din il-kwistjoni delikata iżda importanti tas-citizen’s right of reply.”

“Dejjem lesti li niddjalogaw ma’ parlamenti nazzjonali ta’ naħa u ta’ oħra mingħajr ebda kundizzjoni”

Sadanittant, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti nnota wkoll li diġà għadda xahar mill-bidu tal-14-il leġiżlatura, fejn b’total ta’ 79 membru dan huwa l-akbar Parlament fil-mitt sena ta’ storja tiegħu. Minn dawn, 34 huma membri ġodda, filwaqt li 22 huma nisa.

Huwa ddeskriva bħala pass fid-direzzjoni t-tajba l-fatt li għall-ewwel darba fl-istorja tiegħu, il-Parlament għandu rappreżentanza femminili ta’ 28%, għalkemm saħaq li għadna ‘l bogħod biex tintlaħaq il-mira ta’ 40%.

Dr Farrugia qal ukoll li jemmen li bħala pajjiż indipendenti, sovran u newtrali kif imnaqqax fil-Kostituzzjoni Maltija, ninsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex nargumentaw b’konvizjoni fuq l-importanza tad-diplomazija, inkluż dik parlamentari, kull fejn ikun hemm kunflitt, gwerra jew nuqqas ta’ qbil bejn pajjiż u ieħor.

“Huwa essenzjali li l-Parlamenti – li huma r-rappreżentanti ewlenin tal-popli – jiddjalogaw bejniethom, kemm fuq livell bilaterali kif ukoll fuq livell multilaterali. Bħala Parlament aħna dejjem ninsabu lesti li niddjalogaw ma’ parlamenti nazzjonali ta’ naħa u ta’ naħa oħra mingħajr ebda kundizzjoni,” tenna l-Ispeaker.

Huwa temm jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li din l-14-il leġiżlatura se ssarraf f’ħames snin ta’ esperjenza interessanti li matulhom “kollha kemm aħna nimpenjaw ruħna sabiex ikollna Parlament li mhux biss jiffunzjona b’mod mill-aktar effiċjenti imma li jkun dejjem aktar relevanti u ta’ eżempju fit-tħaddim tad-demokrazija parlamentari.” 

Fi tmiem id-diskors tiegħu, ġiet osservata minuta silenzju u wara l-Ispeaker qiegħed kuruna tal-fjuri f’riġlejn il-monument tas-Sette Giugno. Wara sar it-tqegħid ta’ kuruni mill-Ministru Owen Bonnici f’isem il-gvern ta’ Malta, mill-Prim Imħallef, mill-Kap tal-Oppożizzjoni, mid-Dekan tal-Korp Diplomatiku, mill-Kummissarju tal-Pulizija u mill-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta, mis-Sindku tal-Belt Valletta, minn qraba tal-vittmi tas-Sette Giugno 1919 u minn organizzazzjonijiet oħra.

Sport