L-Assoċjazzjonli tal-Istabbiliment tal-Catering, l-ACE qalet li l-Gozo Channel għandha tikkonsidra li tissospendi l-miżura li twaqqaf is-servizz għal tliet sigħat matul il-Milied u l-Ewwel tas-Sena. Dan hekk kif skontha din il-miżura se tkun qiegħda timpatta ħażin lill-istabbilimenti tal-ikel f’Għawdex.
Fil-Milied u l-Ewwel tas-Sena, il-Gozo Channel twaqqaf is-servizz biex matul dawk is-sigħat il-ħaddiema kollha tagħha jkunu jistgħu jmorru jgawdu ħin mal-familji tagħhom.
Fi stqarrija maħruġa minnha l-ACE qalet li bosta stabbilimenti tal-ikel f’Għawdex irrapportaw numru kbir ta’ kanċellazzjonijiet minħabba dewmien fis-servizz tat-trasport bil-baħar bejn Malta u Għawdex. L-assoċċjazzjoni żiedet tirrimarka dan b’mod partikolari l-għada tal-Milied meta qalet li kien hemm konġestjoni kbira ta’ traffiku li bdiet mill-bajja tal-Mellieħa saċ-Ċirkewwa.
L-Assoċjazzjoni qalet li d-deċiżjonjiet operazzjonjali tal-Gozo Channel għandhom jiġu kkunsidrati mill-ġdid fl-interess tal-komunità tan-negozju Għawdxija, anke f’kuntest fejn ċifri riċenti juru żieda konstanti ta’ passiġġieri matul dan il-perjodu.
Biex issaħħaħ il-proposta tagħha rreferiet għal rapport ippubblikat mill-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex li juri li bejn 18 ta’ Diċembru tal-2023 u 8 ta’ Jannar tal-2024, il-Gozo Channel ġarret madwar 340,000 passiġġier – 104,000 aktar mis-sena ta’ qabel.