Sunday, November 17, 2024

“L-adolexxenti jridu lill-ġenituri jibqgħu jappoġġjawhom” 

Ruth Sciberras, Chairperson tat-Taskforce dwar it-Trobbija Pożittiva

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Ir-riċerka turi li l-adolexxenti jridu lill-ġenituri jibqgħu jappoġġjawhom u jiggwidawhom f’ħajjithom. Anke meta taħseb li mhumiex qed jisimgħuk, il-fatt li jafu li l-ġenituri qegħdin hemm warajhom tagħti lill-adolexxenti ċertu sigurtà”. 

Stqarret dan Ruth Sciberras, Chairperson tat-Taskforce dwar it-Trobbija Pożittiva, f’intervista ma’ Talk.mt dwar ir-rapport ta’ ħidma li għamlet it-Taskforce f’dawn l-aħħar tliet snin fejn waħda mill-kampanji li imbarkat fuqha kienet tiffoka proprju fuq ir-relazzjoni bejn l-adolexxenti u l-ġenituri.

Hija bdiet billi qalet li din kienet kampanja importanti fejn il-ġenituri stqarrew magħhom li l-aktar affarijiet li jinkwetawhom kienu l-abbuż mis-sustanzi fl-adolexxenti, id-dipendenza fuq it-teknoloġija, il-peer pressure u meta jittraskuraw l-edukazzjoni tagħhom.

“Ikun hemm każi, li filli għandek tfal ta’ 10 jew 11-il sena li bħala ġenituri inti l-idolu tagħhom u f’daqqa waħda kulma jgħidulhom il-ħbieb tagħhom huwa sagru, allura jsibuha diffiċli u jibdew jgħidu x’qed jagħmlu ħażin. Iħossu li mhumiex suċċess mat-tfal. Iżda r-riċerka turina li l-adolexxenti jridu li l-ġenituri jibqgħu jissapportjawhom,” qalet Sciberras.

Fil-fatt, stħarriġ li kien sar mill-istatistiku Vincent Marmarà dwar ladolexxenti sab li t-tfal adolexxenti għandhom bżonn aktar ħin ta’ kwalità mal-ġenituri tagħhom. Mill-istess stħarriġ ħareġ li ftit aktar minn 60% tal-ġenituri Maltin iddikjaraw li jqattgħu inqas minn ħames sigħat kuljum ma’ wliedhom.

Sciberras tkellmet ukoll dwar il-kampanja immirata għal familji bi tfal żgħar. “Meta saret l-evalwazzjoni fuq din il-kampanja ta’ erba’ xhur ħareġ li l-ġenituri jew min irabbi t-tfal irid ikun jaf aktar fuq it-trobbija pożittiva. Kien hemm interess f’din il-kampanja.” 

It-tielet kampanja li qiegħda tagħmel it-Taskforce dwar it-Trobbija Pożittiva tiffoka dwar il-problemi relatati mas-saħħa mentali tal-omm waqt u wara t-tqala (Perinatal Mental Health).

“Qed nagħmlu wkoll proġett pilota fejn qed noffru wkoll għajnuna min-naħa tat-Taskforce bl-introduzzjoni tal-programm Parents as Partners. Programm riċerkat u b’esperti f’dan il-qasam. L-għajnuna li tingħata fejn għandek tfal żgħar li jibku aktar, ma jikkalmawx malajr, ma jikkontrollawx dak li qed iħossu u allura jaf ikun hemm tensjoni fost il-ġenituri.”

Ruth Sciberras, Chairperson tat-Taskforce

“Ir-riżultati li ħarġu minn din il-kampanja kienu pożittivi ħafna”, kompliet tispjega Sciberras. Qalet li fejn kien hemm koppji li kellhom problemi jew diffikultajiet ta’ saħħa mentali f’dan il-perjodu tat-trobbija ġew irreferuti għal psikjatri jew psikologi u bdew sessjonijiet magħhom.

Dan is-sit staqsa wkoll liċ-Chairperson dwar it-Trobbija Pożittiva dwar kif il-pandemija affettwat il-ħidma tagħhom fl-aħħar sentejn. “Waħda mill-aktar ċirkostanzi li affetwatna bħala Kumitat kienet meta r-raġel ma setax jidħol mal-mara l-Isptar minħabba r-restrizzjonijiet. Hemm ma stajniex inkomplu bil-proġett għax ridna wkoll li l-missier ikun preżenti meta l-mara tkun tqila.”

Hija qalet però li waqt il-pandemija kien hemm programmi li bdew isiru online. Madankollu l-kuntatt b’mod fiżiku mal-professjonisti kien iktar preferut anke meta jkunu diskussi ċertu problemi personali.

Sar ukoll taħriġ online “Breaking the News” lil madwar 600 professjonist dwar kif jaqsmu aħbar, li taf tkun sensittiva, mal-familji. “Pereżempju meta koppja taf li se jkollha wild li mhux se jgħix jew se tkun b’diżabilità fost oħrajn. Li inti tagħti aħbar sensittiva, se tħalli impatt fuq il-ħajja ta’ dak li jkun. Kien taħriġ importanti ħafna u beħsiebna nerġgħu nirrepetuh.” 

Sciberras qalet ukoll li iktar ma tilqa’ għall-problemi minn kmieni, iktar ikun hemm suċċess ta’ rkupru fost il-familji. Qalet li huma jiffokaw ukoll b’mod partikolari fuq il-familji vulnerabbli, li jsibuha diffiċli jirrikorru għall-għajnuna. 

“Hawn ħafna għatx fost il-ġenituri għat-trobbija pożittiva”

Hija tenniet ukoll li hawn ħafna ġenituri li jixtiequ jkunu jafu aktar dwar it-trobbija pożittiva. Qalet llum il-familja tista’ tkun diversa mhux biss tradizzjonali però l-imħabba lejn it-tfal għandha dejjem tkun hemm. 

“It-trobbija pożittiva ġġib l-interess tat-tfal l-ewwel u qabel kollox, li tiggwidahom u tħobbhom imma qatt ma għandek tuża vjolenza. Il-viżjoni tagħna għall-quddiem hi li nkomplu nsaħħu dawn is-servizzi li jmissu magħhom il-familji kemm fl-edukazzjoni, saħħa, każijiet fil-Qrati anke fejn jidħlu separazzjonijiet u li nħarrġu iktar professjonsti biex jagħtu aktar sessjonjiet ta’ trobbija pożittiva lil min irabbi.”

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ wkoll jidħol fuq il-paġna ta’ Facebook Positive Parenting Malta. 

Ekonomija

Sport