Thursday, March 28, 2024

L-ADOZZJONIJIET… U FEJN IRRIDU NTEJBU

Aqra wkoll

Hu fatt li l-adozzjonijiet internazzjonali f’ħafna pajjiżi naqsu u naqsu sew.  Dan qed jiġri minħabba l-fatt li pajjiżi li kien pjuttost faċli li tadota mingħandhom, qegħdin jippreferu li dawn it-tfal jadottawhom familji fil-pajjiżi tagħhom stess.  Ovvjament dan wassal biex ħafna pajjiżi għalqu l-adozzjonijiet għal pajjiżi barranin.  Jekk nieħdu  l-adozzjonijiet minn barra l-pajjiż għal koppji fl-Istati Uniti daw naqsu b’14 fil-mija. Dan seħħ l-aktar minħabba tnaqqis kbir fl-adozzjonijiet miċ-Ċina u l-Etjopja, għalkemm kien hemm żieda fl-adozzjonijiet mill-Kolumbja u mill-Indja. 

Jekk wieħed ikollu jara l-adozzjonijiet matul is-snin minn koppji fl-Istati Unti isib li dawn naqsu minn 23,000 adozzjoni ftit snin ilu għal  ftit aktar minn 4,000 fl-aħħar snin.  Din is-sitwazzjoni qed twassal għal tħassib fost ħafna koppji li jkunu jridu jibdew familja, u aktar u aktar stennija biex finalment issir l-adozzjoni. 

F’pajjiżna l-għażliet minn fejn koppji jistgħu jadottaw m’humiex ħafna. Dan minnunfih joħloq problemi għal dawk il-koppji li jkunu jridu jadottaw, b’mod partikolari jekk dawn ikunu jridu jadottaw trabi.

Forsi ftit li xejn nitkellmu fuq dan il-qasam, għax jolqot grupp żgħir ta’ nies.  Hu proċess li joħloq ferħ kbir fost dawn il-koppji, li wara t-trawmi li jkunu għaddew minnhom, fl-aħħar huma ukoll jibdew irabbu familja.

Imma lil hinn minn dan, anki f’dan il-qasam, hemm oqsma li donnhom mhux intuhom attenzjoni biżżejjed. Hu tajjeb li jkollna pajjiżi li minnhom nistgħu nadottaw. Nemmnu imma li m’għandniex nieqfu hemm biss. Ma nistgħux nieqfu biss sal-punt li sseħħ l-adozzjoni u malli t-tfal jaslu hawn jintemm kollox.

Nemmnu li l-adozzjoni hi vjaġġ, li l-Istat għandu jkun obbligat li joffri servizzi anke għal wara li jiġu it-tfal. F’pajjiżna għad hawn nuqqasijiet kbar wara li t-tfal adottat jaslu f’pajjiżna. F’pajjiżna għandna bżonn kbir li jiġu introdotti strutturi ta’ servizzi għal tfal li jkunu ġew adottati u anke għal  ġenituri tagħhom. Dawn ivarjaw minn servizzi psikoloġiċi, servizzi mediċi u anke servizzi edukattiv.

Nemmnu ukoll li f’pajjiżna hawn nuqqas ta servizzi għal tfal li jkunu ġew adottati u jkunu qed jgħixu f’pajjiżna. M’għandniex servizzi bħal psikologu u jekk familja jkollhom bżonn servizz bħal dan trid tmur b’mod privat.  Ikun hemm tfal adottati li jkunu għaddew min trawma u allura l-mistoqsija hi lil dawn it-tfal x’appoġġ qed intuhom?  Il-familja x’appoġġ qed tingħata?   Jekk trid tobba speċjalizzati fuq tfal adottati f’Malta hi xi ħaġa diffiċli.  M’għandhiex tobba fuq hekk. Pajjiżi oħra għandhom tobba mħarrġin biss fuq tfal adottati. Il-Euroadopt u l-Konvenzjoni ta’ De Hague qed jagħfsu  ħafna fuq servizzi ta’ appoġġ għal wara l-adozzjoni.  Nemmnu li wasal iż-żmien li dawn jiddaħħlu f’Malta. 

Ekonomija

Sport