Tuesday, November 12, 2024

L-ADPD jgħid li l-femiċidju għandu jkun rikonoxxut bħala reat speċifiku

Aqra wkoll

Iċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party Carmel Cacopardo u d-Deputat Segretarju Ġenerali Sandra Gauci llum qalu li l-partit jesprimi solidarjetà mal-vittmi tal-fastidju, l-istupru, tal-vjolenza u tal-femiċidju u mal-familji tagħhom. Esprimew is-sapport tal-partiti mal-organizazzjonijiet li ngħaqdu taħt il-kappa ta’ ‘Għajjejt u Xbajt’ li qed jiġbdu l-attenzjoni tas-soċjetà Maltija għal dawn it-temi tant serji.

Sandra Gauci qalet: “Il-femiċidju huwa l-qtil ta’ mara, propju għax hija mara. Jibda minn vjolenza u anke stupru. Il-mibgħeda lejn dak kollu feminili u li jitqies bħala dgħajjef ġej minn kultura ta’ misoġenija. Lanqas f’Malta m’aħna ħielsa minn din it-tip ta’ kultura tossika. Il-qtil ta’ Paulina Dembska, huwa ieħor minn sensiela ta’ episodji ta’ vjolenza u qtil, li reġa tefa’ dawl fuq din il-problema.”

Hija żiedet tgħid: “Kuljum x’imkien f’dan il-pajjiż, mara jew tfajla tgħix fil-biża – kemm jekk barra waħeda jew lura d-dar. L-agressur jista’ jkun xi ħadd ma tafux jew anke xi qarib jew konoxxenza tagħha. Din is-sitwazzjoni mhux aċċettabbli. Lanqas m’hija aċċettabbli li rapport ta’ fastidju jew vjolenza ma tantx jittieħdu bis-serjetà.”

“Billi naqblu darba għal dejjem li l-femiċidju huwa fenomenu veru u reali nkunu qed nagħtu viżibilità lil din il-problema. Il-Ministru tal-Ġustizzja Zammit Louis hemm bżonn jifhem li l-kliem huma importanti – li meta l-liġi tagħraf tipi speċifiċi ta’ reati tkun qed tibgħat sinjal li hemm problema li trid tiġi affaċċjata. Aħna mhux inviżibbli, aħna nofs il-popolazzjoni. Il-femiċidju għandu jkun rikonoxxut bħala reat speċifiku. In-nisa għandhom bżonn aktar protezzjoni. Ejja ntuhielhom.”

Ekonomija

Sport