Sunday, November 24, 2024

L-ADPD tisħaq li l-COLA għandha tingħata darbtejn fis-sena

Aqra wkoll

“Biż-żidiet proposti fil-budget li għadda għadna ’l bogħod milli l-ħaddiem bil-paga minima jkollu living wage li biha jkun jista’ jgħix b’mod diċenti”. Iddikjaraw dan kelliema tal-ADPD – The Green Party meta indirizzaw konferenza stampa ħdejn is-suq ta’ Ħal Qormi aktar kmieni llum.

Huma nnutaw li minkejja li l-prezzijiet tal-enerġija u l-qmuħ huma sussidjati, il-prezzijiet ta’ diversi prodotti baqgħu tilgħin ’il fuq.

Id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-ADPD, Dr Melissa Bagley qalet li n-nies m’għadhiex tixtri l-istess affarijiet bħalma kienet 30 sena ilu. Sostniet li meta tfassal il-basket li fuqu hi kkalkolata ż-żieda għall-għoli tal-ħajja, u lanqas m’għandha l-istess ħtiġijiet. Bagley qalet li fid-dawl ta’ dan tara li ż-żieda tal-għoli tal-ħajja għandha tingħata darbtejn fis-sena u mhux darba biss. Hija irreferiet ukoll għal rapporti ta’ żidiet sostanzjali fl-insurance tal-karozzi minħabba l-inflazzjoni kif ukoll żieda fil-prezz tal-ħalib.

Iċ-Chairperson tal-ADPD Sandra Gauci qalet li il-gvern konxju mill-ineffiċjenza preżenti ta’ kif jinħadmu iż-żidiet għall-għoli tal-ħajja u rreferiet għaċ-ċekkijiet addizzjonali biex ipattu għall-għoli tal-ħajja bħala frak li jingħataw mill-gvern biex taparsi jagħti xi ħaġa. Rigward il-paga minima hija qalet li hija deċiżjoni fit-triq it-tajba iżda li għad baqa’ ħafna xi jsir.

“Hemm bżonn ta’ bidla fir-rotta fejn lin-nies inqisuhom mhux bħala numri imma bħalha riżorsa prezzjuż speċjalment f’pajjiż bħal-Malta nieqes minn kwalunkwe riżorsa naturali”, temmet tgħid Gauci.

Sport