Sunday, December 22, 2024

L-ADULTI U L-ATTIVITÀ FIŻIKA U SPORTIVA

Kenneth Vella

Aqra wkoll

Fl-aħħar ġimgħat permezz ta’ din ir-rubrika ta’ kull ġimagħtejn tajt ħarsa lejn il-ftuħ tas-sena skolastika, kif il-ġenituri jistgħu jgħinu lil uliedhom biex ikollhom bidu ta’ sena skolastika mingħajr ħafna intoppi u anki l-benefiċċji li t-tfal tagħna jagħmlu attivitajiet diversi wara l-ħin tal-iskola. Iżda l-isport u l-attività fiżika mhumiex biss tajbin għat-tfal iżda anki għalina lkoll meta nikbru u nilħqu ċerta età. Illum xtaqt nelabora ftit aktar fuq l-isport u l-attività fiżika min-naħa tal-adulti. 

Riċerka li ssir minn żmien għal żmien u f’diversi pajjiżi dejjem tindika li l-isport u l-attività fiżika jħallu impatt u effett pożittiv fuq is-saħħa fiżika u dik mentali tagħna u anki fuq il-kuntatt soċjali li jkollna ma’ oħrajn. Madankollu hemm min iżid ukoll li ċerta attività sportiva hija ta’ benefiċċju aktar minn oħrajn. Dr Rochelle Eime, Professur li tirriċerka l-parteċipazzjoni fl-isport fi ħdan l-Università ta’ Victoria fl-Awstralja, issostni wkoll li meta persuna tagħmel attività fiżika ma’ oħrajn f’team jew fi gruppi tgawdi minn aktar benefiċċji milli kieku tagħmel eżerċizzju sportiv weħidha.

“Il-parteċipazzjoni fl-isport verament ittejjeb is-saħħa fiżika u mentali tiegħek u dan l-effett pożittiv ikompli jiżdied meta l-eżerċizzju fiżiku jsir flimkien ma’ oħrajn,” kitbet Eime dan l-aħħar fil-magazine Wellbeing By Teacher. Hi żiedet tgħid ukoll li studji li għamlet fl-2010 u fl-2013 flimkien ma’ kollegi tagħha wrew biċ-ċar li l-adulti li ġew intervistati kkonfermaw li ħassewhom ferm aħjar u kienu kuntenti aktar bil-ħajja tagħhom meta kienu direttament involuti fi sport ta’ team jew fi gruppi. “Dan iseħħ għax l-isport hu ta’ natura soċjali fil-veru sens tiegħu. Ħafna jħossu sens ta’ sodisfazzjon aktar meta huma parti minn team jew membru ta’ club. Iħossuhom kburin u impenjati aktar li qegħdin jagħtu kontribut lit-team tagħhom, li jarawh jimxi ’l quddiem.”

Intqal ukoll li l-impatt li tħalli l-attività fiżika u sportiva f’team jew fi grupp ħareġ aktar ċar ukoll meta d-dinja kienet magħluqa minħabba r-restrizzjonijiet tal-imxija tal-Covid-19. L-istudju ta’ Eime u l-kollegi tagħha wera wkoll li waqt il-pandemija l-irġiel batew aktar fiżikament u mentalment min-nisa. “Dan seħħ għax ħafna minn dawn l-irġiel kienu mdorrijin jiltaqgħu ma’ sħabhom f’xi ċentru sportiv, jipprattikaw l-isport, jitkellmu u jiddiskutu. Dan inqata’ kollu bil-Covid-19. Ħafna minn dawn l-irġiel adulti kienu jilagħbu sport bħal boċċi u l-golf u għalihom dan kien sport u żvog fl-istess ħin,” ikkummentat Eime. 

Eime qalet ukoll li ħafna drabi l-adulti ma jiħdux sehem fl-isport għal żewġ raġunijiet: minħabba li l-isport għandu element kompetittiv u xi adulti ma jħossuhomx kompetittivi biżżejjed u anki minħabba li jaħsbu li minħabba l-età tagħhom mhumiex tajba li jagħmlu sport. Dan għax meta nkunu għadna żgħażagħ ikollna tendenza akbar li nkunu kompetittivi, tendenza li tbatti xi ftit meta nikbru fl-età. “Madwar id-dinja ħafna gvernijiet qegħdin jippruvaw iħajru adulti biex jers­qu lejn l-isport u jagħmlu attività fiżika. Iżda dan mhux faċli u ħafna adulti jersqu lejn l-isport biss jekk jaraw xi qarib jew kollega li bdew jagħmlu attività fiżika.

L-attività fiżika u l-isport huma tajbin għal kull età. Madankollu hemm diversi sfidi biex tressaq l-adulti li jkunu waqfu mill-attività fiżika u biex dawn jerġgħu jibdew jipprattikaw xi sport. Qabelxejn ir-ritorn għall-attività fiżika irid ikun b’mod gradwali. Mhux tajjeb li persuna li tkun wieqfa mill-isport għal diversi snin tippretendi li tirritorna tilgħab f’daqqa waħda u għal ammont twil. Ikun tajjeb li l-adulti u ż-żgħażagħ jaraw minn qabel liema sport qiegħed jiġi pprattikat viċin il-lokalità tagħhom u jiddeċiedu anki meta jqisu dan ukoll. Pereżempju f’pajjiżna, l-awtorità tal-isport, SportMalta, fl-aħħar snin bdiet torganizza diversi festivals u attivitajiet ta’ sport għall-adulti f’diversi lokalitajiet.

Finalment l-aktar ħaġa importanti hija li l-adulti li jerġgħu jibdew jipprattikaw l-isport jew eżerċizzju fiżiku jieħdu gost meta jkunu qegħdin jagħmlu dan, barra li jkunu wkoll qegħdin jieħdu ħsieb saħħithom.

Ekonomija

Sport