Tuesday, April 30, 2024

“Li jkollok il-kanċer mhux it-tmiem għax l-għajnuna żdiedet, iżda l-ittestjar jibqa’ prijorità” 

Aqra wkoll

Ix-xhur t’Ottubru u Novembru saru sinonimi mal-għarfien ta’ kif wieħed għandu jieħu ħsieb tiegħu nnifsu kontra l-marda qerrieda tal-kanċer. F’dawn il-ġimgħat qed isiru diversi attivitajiet msejħa Pink October u Movember sabiex b’mod partikolari jqajmu kuxjenza mal-poplu Malti u Għawdxi dwar il-bżonn li niċċekkjaw lilna nfusna u naraw jekk hemmx xi ħaġa li mhux normali f’ġisimna.

Tul il-kampanja jintwerew filmati edukattivi dwar kif persuna tista’ tiċċekkja lilha nnifisha fil-privatezza ta’ darha għal ċertu tip ta’ kanċer, u fuq kollox l-importanza ta’ monitoraġġ kontinwu fuq saħħitna ta’ kuljum.

Huwa importanti li l-ġenerazzjoni li qed tikber titgħallem iddaħħal id-drawwa li niċċekkjaw lilna nfusna, li nkunu nafu ġisimna kif jaħdem u x’inhu normali għalih, x’mhux normali għalih. Biex aħna jekk insibu xi ħaġa differenti, nitkellmu mal-ewwel u nkunu nistgħu nieħdu l-kura li hemm bżonn’.

Dan is-sit tkellem maċ-chairperson ta’ Marigold Foundation Michelle Muscat fejn tatna aktar dettalji dwar dawn l-inizjattivi li qed iseħħu matul dawn ix-xahrejn u kemm jagħmlu ġid għall-poplu Malti inġenerali.

“Dawn huma xahrejn li narahom ferm importanti minħabba l-kuxjenza li nippruvaw inqajmu. Hi xi ħaġa li għandha tkun is-sena kollha għax għandna bżonn niċċekkjaw lilna nnifisna u naraw jekk ġisimna hux jaħdem normali jew le.”

Is-sinjura Muscat tgħid li din hi kampanja nazzjonali ferm importanti fejn qabel fil-passat kien jiġi indirizzat biss il-kanċer tas-sider li hu ferm komuni fost nisa li jaqbżu s-sittin sena. Illum il-ġurnata qed jingħata wkoll għarfien dwar il-kanċer tal-għonq tal-utru li wkoll sar komuni u li sfortunatament għadu ftit taboo f’xi nies li ssemmih.

Fost l-irġiel sar ukoll komuni l-kanċer tat-testikoli fejn anke hawn raġel irid jiċċekkja lilu nnifsu biex jara li kollox hux sew jew le.

Muscat tidħol fid-dettall ta’ xi sintomi li normalment bniedem jista’ jkollu f’dan ir-rigward.

“Jekk inħarsu lejn xi sintomi li normalment mara jista’ jkollha f’każ ta’ kanċer tal-għonq tal-utru hu n-nuqqas ta’ period jew inkella xi uġigħ stramb. Meta nitkellmu dwar kanċer tas-sider, ġeneralment tibda tara sider ikbar minn ieħor għalkemm mhux bilfors għax ikun hemm każijiet fejn din hi xi ħaġa normali.”

“Fl-irġiel hu importanti li jiġu ċċekkjati sew it-testikoli u fuq kollox li jaraw li kollox hu normali. Xi sintomi jistgħu jkunu li waħda hi minfuħa aktar mill-oħra jew uġigħ li mhux normali jkollok.”

Michelle Muscat issostni li hu f’dan il-mument li wieħed irid jitkellem u ma joqgħodx lura milli jgħid x’qed iħoss. L-element ta’ biża’ jew inkella li tinjora li għandek xi ħaġa jagħmel is-sitwazzjoni iktar gravi milli suppost.

“Jekk int titkellem, se tkun qed taqbad il-kanċer aktar fi stadju bikri u għalhekk ma jitħalliex jinfirex. Għandna nieħdu ħsieb saħħitna u nieħdu l-affarijiet bis-serjeta’ għax b’hekk biss nistgħu nilqgħu din il-marda tant qerrieda.”

Michelle Muscat titkellem dwar ir-rwol tagħha fil-Fondazzjoni Marigold bħala chairperson fejn l-iktar ħaġa importanti skontha hi li jsir il-ġid u jkunu ta’ spalla għal diversi għaqdiet mhux governattivi li jagħmlu xogħol impekkabbli u imprezzabbli fost il-komunita’ Maltija. 

Il-kampanja t’għarfien tieħu wkoll diversi forom sabiex il-poplu jiġi konxju li verament irid jieħu ħsieb tiegħu nnifsu. Ftit tal-ġimgħat ilu, il-kunsilli lokali tal-Kottonera iġifieri l-Isla, il-Birgu u Bormla ltaqgħu flimkien ma’ Michelle Muscat sabiex nedew inizjattiva li xi zebra crossings tal-lokalitajiet tagħhom jinżebgħu roża.

Fl-istess waqt diversi bini pubbliku u oħrajn governattivi qed jinxtegħlu bil-kulur roża. Dan il-kulur hu sinonimu mal-kampanja ta’ Pink October u għalhekk li bħal qisu għaqqadna dan il-kulur ma’ dan ix-xahar partikolari.

“L-għan tagħna hu li meta bniedem jara dan il-kulur roża jieqaf u jaħseb u jgħid bejnu u bejn ruħu li wasal iż-żmien li jiċċekkja lilu nnifsu filwaqt li jekk iħoss xi ħaġa mhux normali f’ġismu, jitkellem immedjatament, iċempel għall-għajnuna u nista’ nassigurah li se jsib ħafna minnha.”

Michelle Muscat titkellem ukoll dwar diversi attivitajiet li saru u li se jsiru fil-jiem li ġejjin sabiex jinġabru flus għal aktar għajnuna relatata mal-marda tal-kanċer.

Fil-fatt il-Ħadd li għadda saret il-Bike Ride fejn inġabru fondi għar-riċerka dwar il-kanċer. 

L-attivita’ kienet waħda ta’ suċċess fejn kien hemm diversi sewwieqa ta’ muturi ħadu sehem u fejn kulħadd ħa pjaċir f’ambjent san u li fih kien hemm ċertu sodisfazzjon li dawn in-nies għenu bil-kontribuzzjoni tagħhom sabiex isir aktar riċerka u eventwalment jkun hemm prevenzjoni kontra din il-marda. Fondi li jgħinu diversi nies li qed ibatu minn din il-marda u li jridu makkinarju apposta sabiex tiġi ttrattata.

“M’hemmx dubju li l-għajnuna qed tiżdied u fuq kollox in-nies jibbenefikaw fl-aħħar mill-aħħar. Fil-preżent  nies li għandhom il-kanċer qed jiġu ttrattati fl-isptar tal-onkoloġija f’Mater Dei għalkemm imbagħad ikollhom jitilgħu fl-Ingilterra sabiex ikollhom it-terapija hemmhekk. Qed naħsbu sabiex din it-terapija ssir hawn Malta sabiex niffrankaw dak l-iskariġġ u anke jkun iktar faċli għalihom ġaladarba għandhom kollox f’pajjiżna.”

“Din hi l-ħolma tagħna iżda kif għedna għandna bżonn il-fondi neċessarji. Għaqdiet bħal Puttinu Cares jagħmlu biċċa xogħol kbira speċjalment fl-appartamenti li fihom jilqgħu diversi familjari ta’ pazjenti Maltin li jinsabu rikoverati fl-isptar f’Londra. L-għan tagħna hu li dawn il-persuni ma jkollhomx għalfejn jitilgħu fl-Ingilterra sabiex jinqdew iżda jsibu kollox f’Malta.”

Finalment l-aħħar messaġġ miċ-chairperson tal-Fundazzjoni Marigold Michelle Muscat hu wieħed ċar.

“Għandna ħajja waħda sabiħa. Importanti li nibżgħu għaliha. Importanti li tkunu pożittivi anke jekk tinsabu għaddejjin b’xi kura jew kimoterapija. Il-pożittivita’ hi waħda mill-ingredjenti li tant hi importanti sabiex inħarsu lejn it-tama. It-tama li kollox jiġi lura għal li kien.”

“Madankollu biex nagħmlu dan hemm bżonn aktar għarfien dwar il-marda tal-kanċer, hemm bżonn niċċekkjaw lilna nfusna, nitkellmu jekk qed inħossu xi ħaġa u fuq kollox infittxu għall-għajnuna. Tinsewx li iktar ma taqbad il-kanċer mill-bidu iktar hemm ċans li tibqa’ tgħix, xi ħaġa li qed tiġri ta’ spiss għax in-nies qed isiru konxji ta’ saħħithom u qed jitkellmu.”

“Finalment, jekk jirriżulta li jkollkom kanċer, tibżgħux, taqtgħux qalbkom, ibqgħu pożittivi u fuq kollox serrħu raskom li se jkollkom ħafna u ħafna għajnuna.”

Sport