Fadal l-aħħar ftit minuti biex wieħed jiġbor id-dokument tal-vot mill-għases.
Il-Kummissjoni Elettorali kienet avżat li min ma ħax id-dokument tal-vot wara t-tqassim fid-djar seta’ jiġbor il-vot mill-għassa tal-lokalità tiegħu sal-lum f’nofsinhar.
Sal-bieraħ kien għad fadal madwar 26,500 dokument tal-vot li kienu għadhom ma nġabrux mill-elettorat.
Min ma jiġborx id-dokument tal-vot mill-għases,jista’ jagħmel dan mill-uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali fin-Naxxar jew mill-uffiċċju tal-istess Kummissjoni fir-Rabat Għawdex sa mhux aktar tard mill-Ħamis f’nofsillejl.
Mingħajr id-dokument tal-vot, l-ebda persuna ma tista’ teżerċita d-dritt tal-vot dakinhar tal-elezzjoni.