Ftit tal-jiem ilu, il-mafja ta’ Sqallija ħadet daqqa ta’ ħarta kbira meta ġie arrestat wieħed mill-mafjużi l-aktar importanti ta’ Palermo. L-arrest ta’ Giovanni Nanni Ferranti huwa importanti ħafna fil-ġlieda ta’ kontra l-kriminalità organizzata ġewwa Sqallija minħabba li huwa kien id-de factum mexxej tal-aktar familja mafjuża sinjura ta’ Palermo, jiġifieri dik tal-Acquasanta di Palermo.
Tant hija importanti din il-familja mafjuża li fis-snin tmenin kienet taħt il-lenti ta’ Giovanni Falcone. Ferranti ħa t-tmexxija diretta ta’ din il-familja wara li ulied l-ex kap tagħha dan l-aħħar marru joqogħdu ġewwa Milan.
Issa ftit tal-jiem ilu, dan Ferranti, wara snin iwerwer lin-negozjanti ta’ Palermo bil-ġbir tat-taxxa ta’ ‘protezzjoni’ tal-Mafja magħrufa bħala ‘pizzo’, iddeċieda li jibda jikkollabora mal-pulizija u mistenni jagħti informazzjoni importanti ħafna li taf tgħin lill-awtoritajiet sabiex isolvu numru kbir ta’ każi assoċjati ma’ din il-familja mafjuża fosthom qtil ta’ pulizija u diversi attentati ta’ qtil.
Il-mara ta’ Ferrante diġà daħlet fi programm ta’ protezzjoni li issa ilu jiġi offrut lil dawn in-nies għal dawn l-aħħar 40 sena.
Il-Mafja ta’ Sqallija
Minkejja li sas-snin sebgħin, fl-Italja kien hemm min għadu jgħid li l-Mafja ma teżistix, issa huwa fatt magħruf li din ilha teżisti għal mijiet ta’ snin. Minkejja li għaddiet minn ħafna tibdil fil-mod ta kif tmexxi l-attivitajiet kriminali tagħha, l-operat tagħha, jiġifieri dak li tikkontrolla t-territorju, li tmexxi ħafna attivitajiet illeciti, li tikkondizzjona l-politika u fuq kollox li toqtol lil kull min jista’ jkun ta’ ostaklu għaliha, baqa’ prattikament l-istess sal-ġurnata tal-lum.
Fil-fatt, lejn l-aħħar tas-seklu dsatax kien sar studju minn Leopoldo Francetti u Sidney Somino, żewġ politikanti żgħażagħ fuq il-kriminalità organizzata ta’ Sqallija.
Anke fejn jirrigwarda l-irwol tal-mafjużi li ddeċidew li jittradixxu lill-Mafja u jikkollaboraw fil-ġlieda tal-istat Taljan kontra dan il-kankru, jew kif inhuma magħrufin aħjar bħala l-pentiti, hemm hafna min jahseb li dawn feġġew fi żmien meta daħlu fix-xena l-imħallfin Giovanni Falcone u Paolo Borsellino, l-aktar żewġ imħallfin magħrufin mill-ħafna li ġew eliminati mill-mafja ta’ Sqallija.
L-ewwel ‘pentiti’
L-ewwel Mafjuż li jingħad li beda jikkolabora mal-pulizija kien ċertu Salvatore D’Amico li għamel dan il-pass fl-eqqel żmien ta’ waħda mill-ewwel gwerer bejn familji Mafjużi Sqallin lura fl-1876. Dan D’Amico kien kixef lil ħafna membri ta’ dik li dak iż-żmien kienet tissejjaħ is-‘setta dei spationi’.
Dan wassal sabiex ikun hemm l-ewwel ġuri kbir kontra l-mafjużi li t-Taljani eventwalment bdew isejħu bħala maxi-processi. Iżda dawn il-mafjużi ġew kollha meħlusin minn kull akkuża wara li għall-ewwel darba rajna dak li kellna naraw għal ħafna drabi oħra matul is-snin, jiġifieri li x-xhud ewlieni jiġi maqtul qabel seta’ jixhed.
Fl-1889, tfaċċa t-tieni pentito ta’ ċertu stoffa li kien Francesco Sino, wieħed mill-kapijiet ta’ familja mafjuża li kien qiegħed jibża’ li sejjer jiġi assassinat. Ghall-ewwel darba, permezz ta’ dan Sino, rajna deskrizzjoni tal-istruttura tal-mafja u tal-mod ta’ kif din topera.
Fost dawk il-membri ta’ din l-għaqda kriminali kien hemm bdiewa, sinjuruni u sahansitra qassisin. Però, meta ġie għas-si u n-no, Sino rtira l-akkużi u l-ġuri li kien beda fl-1901 kellu jieqaf.
It-tielet mafjuż li beda jikkollabora mal-pulizija kontra l-mafja Siċiljana kien it-tabib Melciore Allegra. Dan il-mafjuż beda jitkellem mal-pulizija fl-1937 wara li kien ilu li ngħaqad mal-mafja sa mill-1916.
Id-dikjarazzjonijiet ta’ Allegra kienu importanti għaliex minbarra li kien semma xi delitti mafjużi huwa kien iddeskriva l-konnesjonijiet tal-mafja Siċiljana mal-Afrika ta’ Fuq u fuq kollox mal-Istati Uniti. Minkejja li għal xi raġuni jew oħra f’dan il-każ lanqas ġura ma sar, ir-rapport ta’ Allegra reġa’ tfaċċa fl-1962 meta ġie ppubblikat minn Mauro di Mauro, ġurnalista Sqalli li eventwalment nqatel mill-Mafja.
Leonardo Vitale
Fl-1974, Leonardo Vitale jingħad li ma setgħax jissaporti t-tingiż fil-kuxjenza tiegħu fuq dak li kien qiegħed jagħmel bħala membru tal-Mafja ta’ Palermo. Huwa ddeċieda li jittradixxi l-ġurament li kien għamel meta kien ingħaqad mal-mafja u jikxef dak kollu li kien jaf fuq din l-għaqda. Però ta’ dan, Vitale kellu jgħaddi minn martirju sħiħ wara li għaddewh ta’ miġnun.
Kif kienet il-prassi dik il-ħabta, bħala kura għall-mard mentali huwa għamel żmien jingħata x-xokkijiet ġewwa rasu. Minkejja li dak li qal kien ikkorraborat b’evidenza, l-qrati Sqallin iddeċidew li ma jemmnuhx, anzi sabuh bħala l-uniku ħati flimkien ma’ zijuh tal-akkużi fil-ġuri li kienu għaddew numru kbir ta’ mafjużi li kien kixef. Dan il-ġuri kien sar fl-1977. Huwa qatta’ madwar 11-il sena maqful fil-ħabs u fi sptarijiet mentali sakemm inħeles u wara ftit taż-żmien inqatel mill-mafja fl-1984.
Ix-xhieda tiegħu eventwalment giet aċċettata minn hadd ħlief Giovanni Falcone. Fix-xhieda tiegħu, Vitale kien semma min kien qatel lil Mauro di Mauri li semmejna aktar ‘il fuq kif ukoll kien tkellem fuq ir-relazzjoni tal-politiċi mal-mafja u fuq kollox kien l-ewwel wieħed li kien wissa’ lill-awtoritajiet fuq ċertu Toto Riina li dik il-ħabta kien qiegħed jibda l-ġlieda tieghu sabiex jieħu l-kontroll tal-Mafja Siċiljana.
Sa dak iż-żmien, Riina ftit li xejn kien magħruf mal-awtoritajiet. Kien minħabba Riina li fi żmien Vitale kien hemm Mafjuż ieħor ta’ ċertu stoffa li ttradixxa lill-mafja u sar pentito. Dan kien Giuseppe di Christina, mafjuż minn Caltanisetta li kien qiegħed jibża’ li sejjer jinqatel mill-mafja ta’ Corleone, fuq ordni ta’ Riina.
Minkejja li dak li qal Christina ma tantx ingħata importanza, wara ċertu żmien instab li kien rilevanti għall-aħħar. Fil-fatt, Di Christina kien wissa’ lill-awtoritajiet li Riina kien sejjer joqtol lill-imħallef Terranova kif fil-fatt kien sar fl-1979, sena wara li Riina u sħabu kienu qatlu lill-istess di Christina.
Tommaso Buscetta, l-aktar pentito importanti
Tommaso Buscetta beda l-karriera mafjuża tiegħu fil-familja ta’ Portanuova. Fis-snin sittin huwa sar il-koordiantur ewlieni għat-traffikar tad-droga bejn Sqallija, il-Messiku, il-Brażil u l-Istati Uniti.
Fl-1970 huwa ġie arrestat fuq ċirku kriminali li kien ingħata l-isem ta’ French Connection minħabba l-involviment tal-mafja ta’ Marsilja ma’ dik Siċiljana fuq it-traffikar tad-droga. Meta ngħata l-libertà kkondizjonata huwa ħarab lejn l-Amerika Latina.
Kif diġà semmejna, dik il-ħabta, ġewwa Sqallija kienet għaddejja gwerra oħra bejn il-familji mafjużi Sqallin. Din kienet l-aktar waħda feroċi ta’ kull żmien. Riina u l-familja ta’ Corleone kienu qegħdin jimmassakraw lill-membri tal-familji kollha li kienu qegħdin jopponu li Riina jsir il-kap tal-kapijiet tal-mafja Siċiljana.
Bejn l-1980 u l-1983, kull sena, ġewwa Palermo biss, kien qiegħed ikun hemm aktar minn 300 delitt assoċjat ma’ din il-gwerra. Inqatlu ħafna mill-mafjużi ewlenin ta’ kontra Riina fosthom Badalamenti, Inzerillo u Bondade. Però, lil Buscetta, Riina ma setgħax isibu b’xejn u għalhekk dar fuq il-familja tiegħu. Fil-fatt, lil Buscetta, il-Corleonesi qatlulu xejn inqas minn 14-il qarib tiegħu li jinkludu tnejn minn uliedu, ir-raġel ta’ bintu, lil ħuh, tliet neputijiet u lill-kunjatu.
Fl-1983, fl-eqqel ta’ din il-gwerra Mafjuża, Buscetta ġie arrestat ġewwa l-Brazil u sena wara ġie estradit lejn l-Italja. Buscetta mill-ewwel għamilha ċara ma’ Giovanni Falcone u l-imħallfin l-oħra li kienu jiffurmaw il-grupp ta’ imhallfin li kienu qegħdin jiġġieldu lill-Mafja, magħruf bħala l-‘pool anti mafia’, li huwa kien sejjer jgħidilhom kulma jaf fuq il-mafja mhux għalhiex nidem iżda bħala vendetta għal dak li għamlet il-mafja lil familtu.
Bis-saħħa ta’ Buscetta, dawn l-imħallfin fl-aħħar fehmu kif taħdem il-mafja. Huwa daħal fid-dettall ta’ kif titmexxa l-mafja, ta’ kif jiġu approvati d-delitti mill-kummissjoni u saħansitra fl-aħħar beda wkoll isemmi r-relazzjoni tal-mafja mal-politika.
Fi żmien Buscetta, kien hemm pentiti oħra importanti bħal Francesco Marino Mannoia li bħal Buscetta kellu jħallas qares għad-deċiżjoni tiegħu li jittradixxi lill-mafja għaliex kienu qatlulu lil ommu u lil oħtu.
Bis-saħħa ta’ Buscetta u l-pentiti l-oħrajn, fl-1986 beda dak ‘l hekk imsejjaħ bħala il-maxi processo li fih ħadu sehem mal-400 ‘pentito’. Fih tressqu 467 mafjuż. Ingħataw mat-365 kundanna, dsatax minnhom ta’ għomor il-habs.
Liġijiet meħtiega imma abbużati
Naturalment, dawn il-pentiti huma nies mingħajr skupli li fil-karriera kriminali tagħhom wettqu kull tip ta’ reat. Allura, ma tantx kienet xi sorpriża li kien hemm min minnhom li abbuża mil-liġijiet li permezz tagħhom kienu jiġu offruti protezzjoni u mantenimenti għax-xhieda tagħhom kontra il-mafja.
Kien hemm pentiti li ġew maqbuda jigdbu sabiex jidhru sbieh u oħrajn li gidbu sabiex jiskreditaw lil pentiti ohrajn. Kien hemm min mar oltre minn hekk u waqt li kien taħt il-protezzjoni tal-istat reġa’ beda l-ħajja kriminali bħal qabel. Fil-fatt, kien hemm pentiti li reġgħu bdew jitraffikaw id-droga u jagħmlu bombi lil mafjużi rivali tagħhom.
Kien hemm kritika ħarxa wkoll għal kif il-mafjużi kienu qegħdin jgħixu ħajja ta’ rejiet ġewwa l-ħabs. Fil-fatt, dik il-ħabta, il-ħabs ta’ Uccardione ta’ Sqallija kien ġie mlaqqam bħala Hotel Uccardione. Kien hemm każi fejn xi pentiti dehru mal-iskorta tagħhom deħlin f’postijiet pubbliċi u ltaqgħu ma’ qraba ta’ vittmi tagħhom stess.
Kien għalhekk li l-istat Taljan kemm il-darba bidel dawn il-liġijiet. Fil-bidu tas-snin disgħin iddaħħlet l-liġi magħrufa bħala l-41-bis li permezz tagħha l-mafjużi tnaqqsilhom il-kuntatt mal-familjari taghhom meta dawn kienu jżuruhom ġewwa l-ħabs.
Sar tibdil sostanzjali anke fuq il-liġijiet ta’ protezzjoni fejn issa l-pentiti xorta kellhom jservu minn tal-inqas kwart tas-sentenza tagħhom u li issa ngħataw limitu ta’ żmien sakemm setgħu jikxfu dak li jafu. Ġew obbligati ukoll li jiddikjaraw l-assi taghhom, kemm dawk li ġew miksuba b’mod leġittimu u dawk li kienu frott ta’ attivitajiet kriminali.
Minn hawn ‘il quddiem in-numru ta’ pentiti naqas ħafna. Dan jikkonferma dak li kien qal Buscetta li l-maġġoranza assoluta tal-pentiti ma jikkollaborawx mal-ġustizzja għaliex ikunu nidmu tassew. Ħafna minnhom jagħmlu hekk sabiex jeħilsuha mill-mewt jew bħala tpattija lill-Mafja.
Però, minkejja din il-kritika kollha li l-midja Taljana sikwit tagħmel lejn is-sistema tal-pentiti, ħadd ma jista’ jiċħad li huma kienu strumentali fil-ġlieda ta’ kontra il-mafja u għaqdiet kriminali oħra bħal Kamorra. Li kieku ta’ kienx għal nies bħal Buscetta, llum lanqas għadna nafu kif taħdem il-mafja. Anke forsi għadna nemmnu lil dawk il-politikanti Taljani li kienu jgħidu li l-mafja mhux veru teżisti.
Fuq kollox, li kieku ma kienx għal nies bħal Baldassarre Di Maggio, li kien għamel żmien twil jaħdem bħala x-xufier ta’ Toto Riina, kriminali krudili bħal dan tal-aħħar kienu jirnexxielhom jiżgiċċaw il-ġustizzja sal-aħħar nifs ta’ ħajjithom. Però, mill-każ l-aktar riċenti ta’ Ferrante reġa’ ħareġ ċar li ġewwa Sqallija, il-Mafja għadha b’saħħitha ħafna. Ħafna qraba ta’ Ferrante kif ukoll vittmi tiegħu qegħdin jirrifjutaw li jkellmu lill-pulizija rigward il-każ. Dan juri li ġewwa Sqallija għadha tirrenja l-omertà.