Sunday, December 22, 2024

“L-aħħar u l-aħjar tama biex jiġi limitat it-tisħin globali”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-ftuħ tal-Konferenza tal-Ġnus Magħquda dwar it-Tibdil fil-Klima, il-President tal-COP26 Alok Sharma appella lill-pajjiżi biex jaħdmu flimkien biex jevitaw l-iktar impatti devastanti tat-tisħin globali.

Huwa qal li l-konferenza, li qiegħda ssir fi Glasgow u se tibqa’ għaddejja sat-12 ta’ Novembru, se tkun “l-aħħar u l-aħjar tama” biex jiġi limitat it-tisħin globali għal 1.5 °C.

Sharma qal li l-impatti tat-tibdil fil-klima diġà qed jinħassu madwar id-dinja fil-forma ta’ “għarar, ċikluni, nirien fil-foresti u temperaturi rekord.” 

“Nafu li l-pjanet kondiviża tagħna qed tinbidel għall-agħar. Dan nistgħu nindirizzawh biss flimkien, permezz ta’ din is-sistema internazzjonali. Nafu x’għandna nagħmlu. Għax sitt snin ilu f’Pariġi qbilna dwar l-għanijiet komuni tagħna. 

“Għedna li se nipproteġu lin-nies u n-natura mill-effetti tat-tibdil fil-klima. Għedna li se nġibu l-finanzi għal azzjoni klimatika u għedna li se nillimitaw iż-żieda fit-temperatura globali għal taħt iż-żewġ gradi billi nkomplu l-isforzi tagħna lejn 1.5 gradi,” sostna Sharma. 

“Nemmen li din is-sistema internazzjonali tista’ twassal u trid twassal għal dan. Nemmen li nistgħu nsolvu l-kwistjonijiet, nimxu ‘l quddiem fin-negozjati billi nniedu diċenju ta’ ambizzjonijiet u azzjonijiet u flimkien nistgħu naħtfu l-opportunità enormi għal tkabbir ekoloġiku u green jobs tajbin. Jekk naġixxu issa u flimkien nistgħu nipproteġu l-pjaneta prezzjuża tagħna. Ejja ningħaqdu flimkien,” tenna l-President tal-COP26.

Ekonomija

Sport