Wednesday, April 24, 2024

L-Air Malta tappoġġja sejħiet għall-ittestjar għall-Covid-19 qabel it-tluq

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-Air Malta ngħaqdet ma’ sejħiet Internazzjonali mmexxija mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru (IATA), l-assoċjazzjoni kummerċjali tal-linji tal-ajru dinjija, li qed jappellaw għall-iżvilupp u l-użu tal-ittestjar għall- COVID-19 rapidu, preċiż, affordabbli, faċli biex jintuża, skalabbli u sistematiku għall-passiġġieri kollha qabel it-tluq tat-titjira. Dan l-ittestjar huwa alternattiva għall-miżuri ta’ kwarantina u huwa maħsub biex terġa’ tiġi stabbilita l- konnettività globali bl-ajru.

Waqt li kien qed jikkummenta dwar din l-inizjattiva, iċ-Chairman tal-Air Malta Charles Mangion qal, “L-industrija tinsab fil-bżonn iddisprat ta’ soluzzjoni biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja fl-ivvjaġġar. Is-soluzzjoni biex jerġa’ jkun hemm il- libertà tal-mobilità bejn il-fruntieri hija permezz tal-ittestjar sistematiku għall- COVID-19 tal-vjaġġaturi kollha qabel it-tluq tat-titjira.

“L-ittestjar mat-tluq se jagħti lill-gvernijiet il-fiduċja li jiftħu l-fruntieri tagħhom mingħajr ma jkollhom għalfejn jużaw il-mudelli tar-riskju b’mod kontinwu u jbiddlu ta’ spiss ir-regoli imposti fuq l-ivvjaġġar. L-ittestjar tal-passiġġieri kollha se jerġa’ jġib il-fiduċja, u se jġib is-serħan tal-moħħ filwaqt li jgħin biex jerġgħu jibdew in-negozji u l-impjiegi varji assoċjati mal-ivvjaġġar u t-turiżmu u jgħin biex tingħata spinta lill-ekonomija”, żied Dr. Mangion.

Il-Kap Kummerċjali tal-Air Malta, Paul Sies, żied li minbarra s-serħan tal- moħħ li persuna tiġi ttestjata, valutazzjonijiet bħal dawn se jġibu lura sens ta’ sigurtà għall-ivvjaġġar. Huwa żied jgħid li matul l-ewwel xhur tal-pandemija tal-Covid, l-Air Malta ggarantiet il-konnettività pubblika tal-ivvjaġġar bl-iskeda “Lifeline” tagħha. Għax-xitwa 2020/1, l-Air Malta fasslet skeda oħra ta’ titjiriet LifeLine li se tiggarantixxi l-konnettività tat-titjiriet matul ix-xitwa għal dawk li jeħtieġu u li jridu jivvjaġġaw u tiżgura l-fluss tal-merkanzija u l-provvisti mediċi lejn il-Gżejjer.

“Ta’ kuljum qegħdin naraw tnaqqis fit-traffiku tal-passiġġieri u qegħdin dejjem nagħmlu bidliet fin-network tagħna biex ikollna l-bilanċ it-tajjeb bejn id- domanda u l-kapaċità. Għandna bżonn kbir ta’ ttestjar strutturat mat-tluq ta’ kull passiġġier bl-użu ta’ metodoloġiji ta’ ttestjar ġodda u rapidi. Huwa biss permezz tal-implimentazzjoni ta’ sistemi bħal dawn li nistgħu nerġgħu niksbu l-fiduċja u nħeġġu lin-nies biex jivvjaġġaw. Dan huwa essenzjali għal Stati gżejjer bħal Malta li jiddependu ħafna mit-turiżmu”, enfasizza s-Sur Sies.

Sejħiet bħal dawn qed jiġu wkoll espressi fl-Ewropa fejn il-ġimgħa l-oħra 25 assoċjazzjoni tal-industrija tal-avjazzjoni koffirmaw ittra lil Ursula von der Leyen, President tal-Kummissjoni Ewropea, li fiha ħeġġew biex tittieħed azzjoni rapida biex jintemmu l-miżuri ta’ kwarantina ġenerali madwar l- Ewropa u biex tiġi kkoordinata sistema ta’ protokoll ta’ ttestjar komuni biex tipproteġi l-għajxien ta’ eluf ta’ ħaddiema fl-industrija u negozji, kif ukoll biex tiżgura l-futur ta’ dawk ir-reġjuni li jiddependu fuq it-turiżmu.

L-ivvjaġġar internazzjonali huwa 92% inqas mil-livelli tal-2019. Għaddew aktar minn sitt xhur minn meta saret ħsara kbira lill-konnettività globali hekk kif il-pajjiżi għalqu l-fruntieri tagħhom biex jiġġieldu kontra l-COVID-19. Minn dak iż-żmien ’l hawn il-pajjiżi fetħu mill-ġdid il-fruntieri b’attenzjoni, iżda ftit li xejn kien hemm attività minħabba li jew il-miżuri ta’ kwarantina jagħmlu l- ivvjaġġar mhux prattiku jew minħabba l-bidliet frekwenti fil-miżuri li qed jagħmlu l-ippjanar tal-ivvjaġġar impossibbli.

L-IATA qalet li l-ħsara ekonomika wara t-tkissir tal-konnettività globali tagħmel l-investiment f’soluzzjoni ta’ ttestjar għall-ftuħ tal-fruntieri prijorità għall- gvernijiet. It-tbatija tal-bniedem u l-uġigħ ekonomiku globali tal-kriżi se jitwalu jekk l-industrija tal-avjazzjoni – li minnha jiddependu mill-inqas 65.5 miljun impjieg – tikkollassa qabel ma tispiċċa l-pandemija. L-ammont ta’ appoġġ meħtieġ mill-gvern biex jiġi evitat kollass bħal dan qed jiżdied. L-assoċjazzjoni qalet li d-dħul mitluf huwa mistenni li jaqbeż l-$400 biljun u l-industrija kienet mistennija tirreġistra telf nett ta’ aktar minn $80 biljun fl-2020 f’xenarju ta’ rkupru aktar ottimist milli fil-fatt seħħ.

Sport