Sunday, December 22, 2024

L-akkużat allegatament wettaq b’aktar minn €50,000 fi ħsarat

Aqra wkoll

Jeremie Camilleri, li qed jiġi mixli bil-qtil ta’ Pelin Kaya fil-Gżira wara li allegatament saq għal fuqha u tajjarha, ikkawża b’aktar minn €50,000 fi ħsarat f’pompa tal-petrol u fl-istabbiliment KFC.

Dan ħareġ fil-Qorti hekk kif kompla quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello kompla jinstema’ l-każ kontra Camilleri, ta’ 33 sena, b’rabta mal-qtil li seħħ nhar it-18 ta’ Jannar li għadda.

Rappreżentant tal-KFC xehed li l-ħanut ġarrab ħsarat fl-għamara, fil-ħġieġ u anke ntilef xi xogħol billi l-ħanut kellu jagħlaq sakemm isiru t-tiswijiet meħtieġa. Qal li t-total ta’ ħsarat f’dan l-istabbiliment jammontaw għal €37,012.

Intant, xehdet ukoll rappreżentanta ta’ Paul and Rocco, b’rabta mal-ħsarat li ġew ikkawżati f’ċint tal-pompa u tliet “stazzjonijiet” fejn jiefqu l-karozzi biex jagħtu l-fjuwil. Hija qalet li dawn kienu prattikament ġodda bil-ħsarat jammontaw għal €14,219.

Dawn iż-żewġ xhieda kkonfermaw ukoll li b’rabta ma’ dan il-każ, kienu għaddew il-filmati mill-kameras tas-sigurtà tagħhom lill-pulizija.

Il-każ ikompli fl-10 ta’ Mejju li ġej f’nofsinhar.

Il-Prosekuzzjoni qiegħda titmexxa mill-Avukati Kaylie Bonett u Nathaniel Falzon mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali megħjuna mill-Ispetturi Kurt Zahra u Shamus Woods.L-Avukati Alfred Abela u Rene’ Darmanin qed jidhru għal Camilleri. L-Avukati Shazoo Gaznavi, Charlon Gouder u Ramona Attard dehru parte civile.

Ekonomija

Sport