L-Albanija ħabbret li se tkun qed tipprojbixxi l-pjattaforma tal-midja soċjali TikTok għal perjodu ta’ sena madwar il-pajjiż kollu. Dan wara li x-xahar li għadda inqatel student ta’ 14-il sena, liema każ qajjem biżgħat dwar l-influwenza tal-midja soċjali fuq it-tfal.
F’laqgħa li kellu ma’ diversi ġenituri u għalliema minn madwar il-pajjiż, il-Prim Ministru tal-Albanija, Edi Rama, ikkonferma din il-projbizzjoni u qal li dan il-pass se jittieħed bħala parti minn pjan aktar wiesgħa bil-għan li l-iskejjel isiru aktar sikuri.
L-Albanija mhuwiex l-uniku pajjiż li pprojbixxa l-midja soċjali. Diversi pajjiżi Ewropej fosthom Franza, il-Ġermanja u l-Belġju daħħlu fis-seħħ restrizzjonijiet b’rabta mal-użu tal-midja soċjali fost it-tfal.
F’Novembru li għadda, l-Awstralja approvat il-projbizzjoni tal-midja soċjali għal tfal ta’ taħt is-16-il sena, b’din il-miżura mistennija tieħu minn tal-inqas sena biex tiġi implimentata.