Friday, December 13, 2024

“L-ambjent għandu jkun fuq nett tal-aġenda ħalli nassiguraw futur sostennibli għal uliedna fl-Ewropa u f’pajjiżna”

Il-MPE Laburista tieħu sehem f’laqgħat bejn delegazzjoni tal-Kumitat ITRE u l-ACER f’Ljubljana, l-Islovenja

Aqra wkoll

Waqt laqgħat bejn delegazzjoni tal-Kumitat ITRE, li kienet tinkludi l-parteċipazzjoni tal-MPE Josianne Cutajar, u l-Aġenzija Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) ġewwa Ljubljana, il-MPE tal-Partit Laburista tenniet li l-ambjent għandu jkun fuq nett tal-aġenda ħalli jkun assigurat futur sostennibli għal uliedna kemm fl-Ewropa iżda anke f’Malta u Għawdex.

Dr Cutajar saħqet li biex dan iseħħ hemm bżonn li jkomplu jittieħdu l-azzjonijiet tant neċessarji. Hawn jawgura tajjeb l-impenn li qed juri l-Gvern Malti sabiex jilħaq il-miri Ewropej għat-tneħħija tal-emissjonijiet tal-karbonju fosthom permezz ta’ miżuri mressqa fl-aħħar baġit, bħat-trasport pubbliku b’xejn minn Ottubru li ġej u aktar sussidju għal min jixtri karozzi elettriċi.

Intant Josianne Cutajar tenniet ukoll l-importanza li l-pajjiżi Ewropej ikomplu jinvestu f’sorsi ta’ enerġija aktar nodfa u f’enerġija rinovabbli. 

Il-MPE Maltija stqarret li huwa meħtieġ li l-Ewropa tadotta approċċ ħolistiku ħalli l-qalba ambjentali tkun waħda li ma tħalli lil ħadd jaqa’ lura u ma tolqotx ħażin lil persuni vulnerabbli.

Hija tenniet ukoll l-importanza assoluta tas-sigurta’ tal-enerġija għal gżejjer u reġjuni bħal Malta u Għawdex li huma iżolati mill-kontinent.

Il-MPE Laburista fakkret kif f’dan ir-rigward, Malta qed tikkonsidra li jkun hemm pipeline li jirċievi wkoll l-idroġenu, fejn diġa` kien hemm dikjarazzjonijiet li bħala pajjiż qed inħarsu anke lejn l-idroġenu ‘aħdar’.

F’kumment b’rabta maż-żjara u l-laqgħat fil-Ljubiljana fejn ġiet diskussa wkoll l-isfida globali tal-għoli fil-prezzijiet tal-enerġija, Dr Cutajar fakkret kif taħt Gvern Laburista f’Malta m’għolewx il-kontijiet tad-dawl bħal f’pajjiżi oħra. Hi saħqet dwar l-importanza li f’pajjiżna u fil-kontinent Ewropew ikun assigurat li ma jbatux il-persuni vulnerabbli, kemm meta jkun hemm ċaqliq fis-suq iżda wkoll fil-qalba ambjentali li rrid nagħmlu.

Fl-aħħarnett Josianne Cutajar ingħaqdet mad-dikjarazzjoni li għamel il-Prim Ministru Robert Abela li fis-soluzzjonijiet u t-triq ’il quddiem, hemm bżonn ferm aktar flessibilità speċjalment ma’ pajjiżi u ġżejjer bħal Malta u Għawdex li għandhom ċirkostanzi uniċi ġejjin miċ-ċokon u l-ġeografija tagħhom.

Ekonomija

Sport