Kollox beda minn ħsieb, minn ħolma u wisq aktar minn viżjoni li kellha l-għalliema u Deputat koordinatriċi tal-programm GLOBE Ramona Mercieca li dejjem emnet li l-edukazzjoni tmur lil hinn mill-erba’ ħitan ta’ kull klassi. Għal Ramona, fil-proċess edukattiv, l-istudent huwa protagonist li permezz tal-esperjenzi tiegħu mal-madwar jista’ jagħmel id-differenza llum u wisq aktar għada.
Ħolma li llum qed issir realtà permezz ta’ proġetti u inizjattivi uniċi u innovattivi inkluż dak riċenti tal-ġnien komunitarju Sow, Grow, Unite ġewwa l-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Proġett li jġib flimkien studenti, familji, anzjani u professjonisti tas-saħħa fi klassi fil-beraħ. Proġett li jixhed kif spazju żgħir jista’ jinbidel f’ċentru ta’ tagħlim, sostenibbiltà u komunità.
Ħsieb li nibet minn sfida reali: nuqqas ta’ spazju fejn l-istudenti setgħu jikbru u jitgħallmu b’mod prattiku. Ramona rat potenzjal f’biċċa art mitluqa fil-perimetru tal-isptar u bdiet timmaġina trasformazzjoni li setghet taghmel differenza f’ hajjet in-nies. “L-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex offra potenzjal. Kont qiegħda hemmhekk kumbinazzjoni għax mort nara ħabiba tiegħi l-isptar u x’ħin rajt dan il-ġnien li seta’ offra dak li aħna xtaqna, iddiskutejt mal-kollegi tiegħi u anke tkellimna mal-Ministru tas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela u anke mac-CEO tal-Isptar Carmen Ogilvie-Galea”.
Minn “ħolma” tal-istudenti, il-proġett sar rejalta u kiber f’inizjattiva sostenuta minn istituzzjonijiet u komunità. Ġnien komunitarju bħala spazju interġenerazzjonali fejn kulħadd jitgħallem minn xulxin, kollaborazzjoni bejn ġenerazzjonijiet, konnessjoni man-natura u produzzjoni ta’ ikel lokali u staġjonali. Realtà li llum tara l-parteċipazzjoni attiva u kontinwa ta’ studenti, ġenituri, anzjani u staff tal-isptar f’ambjent wieħed. Fuq kollox, realtà li inċentivat ħolqien ta’ rabtiet ġodda u sens ta’ appartenenza. Kif stqarret Ramona: “Dan mhux biss offra spazju fejn l-istudenti qegħdin jitgħallmu barra mill-klassi imma l-istudenti qed iqattgħu ħin ta’ kwalità mal-ġenituri tagħhom. Tajjeb insemmi li nvolvejna wkoll l-anzjani allura nħolqot sens ta’ komunità ġdida għax dawn il-familji li qed jużaw dan il-ġnien komunitarju, qegħdin jaqsmu l-ideat, jaqsmu l-esperjenzi u l-prodotti”.
Hub haj fejl art sterili u abbandunata zviluppat f’laboartorju ta’ għarfien, żrieragħ u riċetti. Hub li joffri wkoll opportunità għal familji biex iqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien qalb in-natura. Fuq kollox, il-ġnien jopera bħala klassi fil-beraħ u jippromwovi tagħlim STEAM prattiku. Jinkludi esperjenzi “mill-għalqa sal-platt”, fejn l-istudenti jikkunsmaw dak li jkabbru huma stess. “Lill-istudenti tajnihom l-opportunità li mhux biss kabbu l-ħxejjex, imma sajjru u kielu l-prodotti tagħhom stess. Dan ifisser li l-istudenti kellhom espejenza mill-għalqa għal;-platt”
Is-Sow, Grow, Unite mhuwiex biss ġnien, iżda inizjattiva li tgħaqqad il-ġenerazzjonijiet u trawwem kultura ta’ sostenibbiltà. Fuq kollox, hija inizjattiva li tista’ sservi bħala mudell għal oħrajn kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna.
Bhala parti mill-progett gie varat ukoll il-ktieb “Fil-Ġnien man-Nanna fil-Ħarifa u x-Xitwa” li fih hemm migbura riċetti sempliċi u nutrittivi magħmula minn prodotti mkabbra fil-ġnien stess, bil-għan li jippromwovi ikel lokali, staġjonali, bnin u sostenibbli. Ta’ min wieħed isemmi li bħalissa qed jitħejja ktieb ġdid ibbażat fuq prodotti mkabbra fir-rebbiegħa u s-sajf.
Dan il-progett uniku kellu impatt kemm fuq livell lokali imma anke Ewropew. Tant li Ramona ġiet rikonoxxuta bil-Pride of Gozo Environmental Award għal din l-inizjattiva. Il-proġett kien ukoll finalista għall-“For Our Planet” Special Award tal-Kummissjoni Ewropea. Rikonoxximent fuq livell Ewropew bħala eżempju ta’ prattika tajba fis-sostenibbiltà u komunità.
Dan ma kienx l-unika progett ambjentali u edukatltiv li ħadmet fuqu Ramona Mercieca. Ta’ min wieħed isemmi fost l-oħrajn il-proġett GLOBE Water Wise. Proġett, b’kollaborazzjoni mal-EUROPE DIRECT Gozo, li involva skejjel Għawdxin fil-ħidma fuq is-sostenibbiltà tal-ilma. Progett li gie rikonoxxut permezz tal-STEAM and Sustainability Award, mogħti lill-iskejjel parteċipanti fi proġetti marbuta mas-sostenibbiltà u x-xjenza. Dan il-premju jirrifletti l-impenn fit-tul lejn edukazzjoni innovattiva u transformattiva li tgħaqqad ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, l-arti u l-matematika mal-iżvilupp sostenibbli.
Kif tenniet, Ramona dawn il-proġetti mhumiex l-epilogu tal-ħolma tagħha imma huma biss iż-żerriegħa ta’ ħsibijiet oħra li permezz tagħhom tista’ tikkontribwixxi biex in-natura sservi ta’ żivlupp edukattiv għall-istudenti kif ukoll tas-soċjetà Maltija u Għawdxija.

