Friday, December 13, 2024

L-Amerka u bosta pajjiżi Ewropej jirrappurtaw rekord ta’ każijiet ta’ Covid-19

Aqra wkoll

L-Amerka u bosta pajjiżi Ewropej irrappurtaw l-ogħla numru ta’ każijiet ġodda ta’ Covid-19 f’ġurnata waħda minn mindu bdiet il-pandemija, hekk kif il-varjant Omicron qed ikompli jinfirex.

L-Istati Uniti rrapporta aktar minn 440,000 każijiet ġodda nhar it-Tnejn filwaqt li bosta pajjiżi Ewropej, fosthom, Franza, l-Italja, il-Greċja, il-Portugall u l-Ingilterra kollha rrappurtaw rekord ta’ każijie.

Fl-aġġornament tagħha rigward is-sitwazzjoni tal-Covid-19, l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO)  wissiet li r-riskju tal-varjant Omicron “jibqa ‘għoli ħafna”, minkejja li sa issa l-istudji juru li l-varjant Omicron mhux daqstant b’saħħtu daqs il-varjant Delta. 

Fl-aħħar sigħat l-Italja rreġistrat 78,000 każ ġdid, li jfisser l-ogħla ammont ta’ każijiet mill-bidu tal-pandemija. Fl-istess waqt ġew irreġistrati 202 imwiet li jfisser li n-numru totali ta’ mwiet fil-pajjiż issa huwa 136,753. Intant, l-awtoritajiet tas-saħħa fl-Ingilterra rrappurtaw rekord ta’ 117,093 każ.

Fl-istess waqt, il-Ministru tas-Saħħa tal-Greċja, Thanos Plevris, sejjaħ għall-kalma wara li l-pajjiż irrapporta 21,657 każ. 

Ilbieraħ Franza rrappurtat 179,807 każ ġdid f’ġurnata li huwa l-ogħla numru ta’ każijiet ġodda fl-Ewropa. Fl-aħħar sigħat Franza ħabbret miżuri aktar stretti kontra l-Covid-19 fost tħassib dwar il-varjant il-ġdid Omicron. 

Ekonomija

Sport