Saturday, December 21, 2024

L-anzjani kollha bi trasport b’xejn biex jarmu l-flixken fil-magni tal-BCRS

Aqra wkoll

Permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ BCRS Malta Ltd, is-servizz tas-Silver-T issa ġie estiż fuq livell nazzjonali. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela.

Is-servizz tas-Silver-T jipprovdi l-faċilità ta’ trasport b’xejn lill-anzjani li għandhom ’il fuq minn sittin sena u li jeħtieġu assistenza biex imorru jagħmlu l-qadi tagħhom fil-komunità. Mindu tnieda fl-2019 sal-lum, dan is-servizz kien jingħata f’Għawdex u f’26 lokalità f’Malta. Is-sena li għaddiet b’kollox saru 11,759 vjaġġ.

Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni bejn l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, BCRS Malta Ltd u l-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, ser tingħata wkoll għajnuna lill-anzjani, li għandhom problemi ta’ mobilità, biex jieħdu sehem fl-iskema ta’ rifużjoni fuq il-kontenituri tax-xorb.

Ġie spjegat ukoll li l-BCRS Malta Ltd ipprovdiet sitt karozzi tal-elettriku li se jingħaqdu mal-flotta eżistenti sabiex is-servizz tas-Silver T ġie estiż fuq livell nazzjonali, kif ukoll biex l-anzjani jkunu jistgħu jieħdu sehem fl-iskema ta’ rifużjoni tal-kontenituri tax-xorb.

Il-Ministru Abela temm jgħid li dan is-servizz jingħaqad ma’ oħrajn li jħeġġu u jippermettu lill-anzjani jgħixu ħajja aktar indipendenti fil-komunità.

L-anzjani jistgħu jirriżervaw post għal dan is-servizz billi jċemplu fuq 22788900 biex jagħmlu appuntament sa mill-inqas tlett ijiem qabel ma jkollhom bżonn is-servizz. Is-servizz jopera mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mis-7:00 ta’ filgħodu sas-2:00 ta’ waranofsinhar.

Ekonomija

Sport