Friday, May 3, 2024

‘Dejjem xtaqt li lil Bormla naraha aħjar’ – Marco Agius – Sindku Bormla

Ħareġ l-ewwel darba għall-elezzjonijiet tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla fl-2019 u ġie elett bit-tieni l-akbar ammont ta’ voti, u allura nħatar viċi-Sindku. Illum huwa s-Sindku ta’ Bormla.

Aqra wkoll

X’ħajrek biex tidħol fid-dinja tal-politika?

Jien dejjem involut f’dak li jseħħ Bormla, u minħabba li ġej minn familja Laburista dejjem għent kemm stajt fil-Partit b’mod partikolari fil-kampanji elettorali. Meta ħassejt li kemm il-Partit kif ukoll il-lokal kellhom bżonni, iddeċidejt li nikkontesta bħala Kandidat f’isem il-PL għal-lokal ta’ Bormla. Emmint li jekk noħroġ għall-Kunsill Lokali trid tkun tħobb lil-lokal. Dejjem xtaqt li lil Bormla naraha aħjar.
Kif rajt il-lokalitá ta’ Bormla tinbidel tul is-snin?

Minħabba l-fatt li twelidt, trabbejt u għadni ngħix Bormla, rajt Bormla tinbidel sew. Minn lokal li ħafna kienu jistħu jsemmuh, għal-lokal li ħafna jridu jiġu jgħixu fih.

Minn lokal magħruf għall-baċir f’nofsu, għal-lokal bi promenad mill-isbah li jitgawda minn turisti u nies Maltin li kienu qatt ma’ resqu ‘l hawn. Ix-xogħol li sar taħt Gvern Laburista wara l-2013 biddel lil Bormla mil-lejl għan-nhar.

Xi proġetti hemm għaddejjin bħalissa ghal din il-lokalitá u x’hemm ippjanat għall-futur?

Bħalissa għaddej xogħol fuq il-proġett tal-grawnd Peppi Delceppo, xogħol fuq Ġnien Kottoner, restawr tal-ħafna swar li aħna mdawrin bihom u xogħol minn Projects Green fuq ġnien fi Triq il-Karmnu. Illum nistgħu niftaħru wkoll li f’Bormla għandna l-ewwel pixxina ta’ daqs Olimpiku msaqqfa u msaħħna fil-Kumpless li għandna f’Bormla. Hemm ħafna aktar proġetti li qed niddiskutu ma’ entitajiet governattivi differenti.

Kif tiddeskrivi l-politika bhala mezz biex tinkiseb il-ġustizzja soċjali?

Bħala persuna b’għeruq soċjalisti, nemmen li rridu nkunu dejjem qrib iż-żgħir u l- vulnerabbli. L-istorja urietni li kien dejjem Partit Laburista fil-Gvern li għamel il- bidliet neċessarji sabiex il-klassi tal-ħaddiema mxiet ‘il quddiem.

Kif jirnexxielek issib bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali tiegħek?
Ovvjament mhux facli, iżda jien inħejji programm b’aġenda sabiex ikun hemm bilanċ bejn xogħol, familja u kunsill.

Kif taħseb li se jkun il-futur ta’ Malta meta tqis li naqas ħafna r-rispett lejn l- awtorità?

Importanti li pajjiżna jerġa’ jkollu aktar rispett lejn l-awtoritajiet. Niftakar żminijiet li anke tara pulizija għaddej mit-triq, issellimlu b’ċertu rispett. Irridu naraw li kulħadd jidra li jekk trid tkun rispettat, trid tirrispetta lil ħaddiehor … ir-rispett reċiproku.

Kemm bidlet id-dinja it-teknoloġija li kulma jmur qiegħda dejjem tiżviluppa?

Illum it-teknoloġija hija użata f’kull ħaġa li nagħmlu. Ma nistgħux ngħixu tajjeb jekk ma nużawx l-għodod teknoloġiċi li qed jidħlu. Jekk hu qasam tas-saħħa, jekk hi l- edukazzjoni, trid tuża l-għodod ġodda li qed jagħmlu ħajjitna aħjar.

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ tiegħek lill-poplu Malti u Għawdxi.

Jien nemmen f’dan il-pajjiż u l-poplu tiegħu kif ukoll il-mexxejja tiegħu. Flimkien nistgħu nkomplu nimxu ‘l quddiem u nagħmlu dawk il-bidliet tant importanti biex ikollna livell ta’ ħajja dejjem aħjar. Flimkien magħqudin, inwettqu l-bidliet!

Sport