Saturday, December 21, 2024

L-ANZJANITÀ ATTIVIA TIBQA’ PRIJORITÀ

Aqra wkoll

Malta dejjem kienet minn ta’ quddiem fil-politika dwar l-anzjanità attiva u fil-fatt kienet waħda mill-ewwel pajjiżi li nkludiet Ministeru li huwa speċifikatament responsabbli mill-anzjanità attiva. F’dawn l-aħħar snin komplejna naraw iżjed titjib u mmodernizzar ta’ sistemi li jippromwovu l-anzjanità attiva u kwalità ta’ ħajja aħjar għal adulti kbar fl-età.

F’dan ir-rigward, fid-dokument ta’ konsultazzjoni dwar il-Budget 2025 hemm elenkati diversi miżuri li ttieħdu f’dan il-qasam fosthom il-ftuħ ta’ klinika multi-dixxiplinari ġewwa Dar Padova f’Għajnsielem, Għawdex, bil-għan li taqdi aħjar lill-anzjani Għawdxin li jiġu bżonn servizzi kliniċi.

B’żieda ma’ dan hemm il-proviżjoni ta’ trasport b’xejn għall-anzjani u dawk bi sfidi ta’ mobiltà, bis-servizz tas-Silver T. Servizz li tajjeb li ngħidu li mindu ġie estiż fuq skala nazzjonali fl-2023, saru 31,164 vjaġġ f’dik is-sena u 26,016-il vjaġġ sa Ġunju ta’ din is-sena.

Wieħed ta’ min isemmi wkoll ż-żieda ta’ €1,000 fis-sena fl-iskema tal-Carer at Home u l-ftuħ ta’ tmien ċentri ġodda tal-anzjanità attiva f’Pembroke, Ħaż-Żebbuġ, il-Għargħur, il-Kalkara, Birgu, Bormla, il-Marsa u l-Fgura. Bla dubju li dawn iċ-ċentri joffru opportunitajiet lil persuni akbar fl-età biex dawn jibqgħu attivi fiżikament, mentalment kif ukoll soċjalment.

Dak kollu li sar diġà f’dan il-qasam jagħtina għax nifhmu li l-Gvern se jistimula aktar l-anzjanità attiva billi jkompli jintroduċi inċentivi fiskali u finanzjarji sabiex jinkoraġġixxi lil dawk li jixtiequ jibqgħu attivi anke wara li jilħqu l-età tal-irtirar. Dan mhux biss se jħalli impatt pożittiv fuq il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani li minbarra pensjoni jkollhom ukoll dħul addizzjonali iżda wkoll iħalli impatt pożittiv fuq l-ekonomija tal-pajjiż.

B’dan kollu f’moħħna nemmnu li għaż-żmien li ġej il-Gvern se jkompli jibni fuq il-kisbiet li diġà saru f’dan il-qasam anke permezz ta’ implimentazzjoni kontinwa tal-Politika Strateġika Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva 2023-2030.

Għalhekk, għandna għax nifhmu li l-anzjanità attiva se tkun qiegħda terġa’ tingħata prijorità fil-Budget 2025 li se jitħabbar fi ftit tal-ġimgħat oħra, u b’dan il-mod jerġa’ jintbagħat messaġġ b’saħħtu ta’ kemm dan il-Gvern għandu għal qalbu dan is-settur u jagħraf l-importanza tiegħu.

Ekonomija

Sport