Friday, October 11, 2024

Naħdmu aktar għall-paċi li hi l-aspirazzjoni tal-umanità – il-Prim Ministru Robert Abela jindirizza l-Kunsill tas-Sigurtà

Aqra wkoll

Meta kien qed jindirizza l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet, hekk kif pajjiżna riesaq lejn tmiem it-terminu tiegħu bħala Membru Mhux Permanenti fuq dan il-Kunsill, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li pajjiżna jappoġġja l-missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u jeħtieġ nibqgħu ninvestu fiha favur il-paċi u s-sigurtà madwar id-dinja.

Fid-dibattitu indirizzat minn Mexxejja differenti ta’ pajjiżi membri fil-Kunsill tas-Sigurtà, fejn ġiet it-trattata ż-żamma tal-paċi, il-Prim Ministru sostna li l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti trid tibqa’ tkun il-gwida għall-komunità internazzjonali biex nindirizzaw kunflitti li minnhom qed ibatu n-nies.

“Qatt ma għandna nneħħu minn quddiem għajnejna r-realtajiet tal-umanità”, saħaq b’mod empatiku l-Prim Ministru Malti hu u jinnota realtajiet differenti ta’ persuni ċivili fosthom nisa u tfal f’postijiet madwar id-dinja fejn is-sigurtà u l-paċi huma sfida kbira.

Bħala eżempji l-Prim Ministru semma s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, partikolarment f’Gaża, dik fl-Ukrajna u l-kunflitt fis-Sudan fost oħrajn. Qal li l-Kunsill tas-Sigurtà għandu rwol iżjed importanti li jħares iż-żamma tal-paċi u jfittex it-triq tad-djalogu madwar il-mejda aktar milli l-eskalazzjoni tal-kunflitti.

“L-użu tal-forza kontra dak li tgħid il-Karta tan-Nazzjonijeit Uniti mhiex ġustifikabbli u hi inaċċettabbli”, aċċenna l-Prim Ministru Robert Abela madwar il-mejda tal-Kunsill tas-Sigurtà.

“Jeħtieġ nirduppjaw l-isforzi tagħna għall-paċi fi żmien fejn id-dinja moħħha biss fl-istatistika”, qal Dr Abela hu u jisħaq ukoll li mal-mejda tad-diskussjonijiet irridu nfittxu li tasal l-għajnuna umanitarja fejn hemm gwerer li qed jifnu tant familji.

Fi New York hekk kif qed titlaqqa’ l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Prim Ministru Robert Abela għadda messaġġ lill-komunità internazzjonali li wriet fiduċja b’saħħitha f’Malta biex ikollha irwol ewlieni fid-dinja bħala Membru Elett tal-Kunsill tas-Sigurtà.

Spjega kif tul it-terminu ta’ sentejn, Malta wriet bil-fatti l-impenn tagħha favur il-paċi u s-sigurtà quddiem sfidi ġeo-politiċi u l-ħidma pro-attiva għal sfidi oħra bħat-tibdil fil-klima.

Qal li l-fenomenu tal-bidla fil-klima jġib sfidi wkoll fuq is-sigurtà tal-ikel u ż-żieda fil-livell tal-għoli tal-baħar li jaffettwa pajjiżi differenti, fosthom anki gżejjer żgħar. Hawn pajjiżna imbotta lejn indiċi li jkejjel il-vulnerabbiltà ta’ pajjiżi għall-bidla fil-klima li partikolarment jgħin gżejjer żgħar jiddentifikaw strateġiji ta’ kif jilqgħu għal dan il-fenomenu.

Fl-indirizz tiegħu l-Prim Ministru Malti qal li l-popli madwar id-dinja għandhom aspirazzjoni ewlenija, dik li jgħixu fil-prosperità u fil-paċi u bħala komunità internazzjonali rridu nibqgħu kommessi li nilħqu dik l-aspirazzjoni. Għalhekk qal li l-kunsiderazzjonijiet tal-familji rridu nġibuhom fuq quddiem nett u nkunu empatiċi magħhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport