Monday, November 4, 2024

L-apoloġija mill-Papa lill-indiġeni fil-Kanada … L-ewwel pass minn serje ta’ tibdil meħtieġ

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Huwa stmat li 476 miljun persuni indiġeni jgħixu f’90 pajjiżi differenti u dan l-ammont jikkwantifika għal 5% tal-popolazzjoni dinjija. Ta’ kull sena, eżattament fit-9 ta’ Awwissu jiġi ċċelebrat il-Jum Internazzjonali tal-Popli Indiġeni fid-Dinja bil-għan ewlieni li jkun hemm aktar għarfien u rispett lejn il-kultura u l-użanzi ta’ dawn in-nies. Iċ-ċelebrazzjoni ta’ dan il-jum internazzjonali li kellna fil-bidu ta’ din il-ġimgħa kienet waħda partikolari hekk kif ġiet ftit jiem wara żjara storika mill-Papa Franġisku, liema żjara ġibdet l-attenzjoni tad-dinja minħabba li l-qafas tagħha kienet apoloġija mis-Santità nnfisu lill-poplu indiġenu fil-Kanada. 

Tul is-snin il-popli indiġeni sofrew ħafna u fosthom hemm il-każ tal-Kananda fejn 50 sena ilu, eluf ta’ tfal indiġeni sfaw vittmi ta’ moħqrija u abbuż fatali fi skejjel residenzjali mmexxija mill-Knisja Kattolika. Dan l-iskandlu sfortunatament, tefa’ dell ieħor ikrah fuq l-akbar istituzzjoni reliġjuża fid-dinja. Wara dawn is-snin kollha, il-Papa Franġisku mar personalment fil-Kanada biex jitlob apoloġija, talba li għalkemm ħafna jqisu li hija faċli, fil-verità mhiex daqstant u l-ġest tiegħu huwa apprezzat u ta’ min ifaħħru. 

Ġenoċidju kulturali: “B’umiltà nitlob maħfra”

“B’umiltà nitlob maħfra għall-ħażen li sar minn tant Kristjani fil-konfront tal-persuni indiġeni. Ninsab iddispjaċut ħafna għar-rwol tal-Knisja Kattolika li pprattikat mentalità kolonjali u li assimilat vjolenza fl-iskejjel residenzjali mmexxija mill-Knisja fuq artijiet indiġeni”. Hekk qal il-Papa Franġisku fil-Kanada fejn fil-bidu tas-seklu 19 sar magħruf li f’uħud minn dawn l-iskejjel seħħ abbuż fuq tfal indiġeni li fil-maġġorparti tagħhom kienu sseparati mill-familji kontra l-volontà tagħhom. 

Fl-2015 iċ-Ċentru Nazzjonaali għall-Verità u r-Rikonċiljazzjoni tal-Kanada ddeskriva dak li ġara f’dawn l-iskejjel bħala “ġenoċidju kulturali”. Is-sena l-oħra nstabu kważi 1,000 oqbra mingħajr isem f’dawn l-iskejjel antiki u hemm probabbiltà li jinstabu aktar. 

F’April li għadda l-Papa Franġisku fil-Vatikan kien diġà għamel apoloġija dwar dak li seħħ fil-Kanada ma’ rappreżentanti ta’ dawn il-vittmi indiġeni. Fl-aħħar ta’ Lulju, imbagħad, huwa għamel din l-apoloġija pubblika quddiem komunità indiġena akbar fuq art twelidhom stess. 

Il-Papa jitlob li jsiru aktar investigazzjonijiet

Il-Papa Franġisku ammetta l-“ħażen” li sar f’numru ta’ skejjel immexxija mill-Knisja f’dan il-pajjiż u qal li l-apoloġija hija biss parti mill-ħidma li hemm bżonn u li għandu ppjanat li jsir fir-rigward. Fiż-żjara tiegħu, il-Kap tal-Knisja Kattolika talab li jsiru aktar investigazzjonijiet dwar x’ġara f’dawn l-iskejjel snin ilu.

Il-fatt li l-Knisja ammettiet l-iżbalji tagħha fil-Kanada u sa anke wasal biex il-Papa Franġisku, minkejja l-istat fiżiku fraġli li jinsab fih ivvjaġġa dak it-tul kollu, għandu jgħin biex l-indiġeni fil-Kanada jibdew ifiequ minn din it-trawma u b’xi mod isibu l-paċi f’qalbhom.

Fil-Kanada, ir-reazzjonijiet u l-ħsibijiet dwar din l-apoloġija għall-ħsara li saret minn membri tal-Knisja Kattolika, però, kienu kontrastanti. Dan minħabba li kien hemm uħud li aċċettaw din l-apoloġija bħala waħda ġenwina u sinċiera mentri, oħrajn le tant li nħassu tensjonijiet u saru anke protesti.

“50 sena huma twal wisq…”

Waħda mill-vittmi ta’ dawn l-abbużi li għadha ħajja, Evelyn Korkmaz, kienet tattendi l-iskola residenzjali Indjana ta’ Santa Anna f’Ontario. Hija esprimiet l-emozzjonijiet li ħasset meta saret din l-apologija pubblika mill-Papa Franġisku fejn qalet li, “kien hemm mumenti li ħassejt ferħ kbir mentri kien hemm oħrajn li ħassejt dieqa. Xtaqt iżjed iżda ma rċevejtx dak kollu li ridt. Stennejt 50 sena għal din l-apoloġija u issa fl-aħħar smajtha. L-emozzjonijiet li ħassejt kienu mħalltin… Kien hemm ukoll mumenti li ħassejt ċertu vojt ġo fijja. Inħossni xxurtjata li għext biżżejjed biex nismagħha b’widnejja stess. Iżda, dan mhux biżżejjed għax 50 sena huma twal wisq biex tistenna li jitolbuk maħfra”.

Ġerħa ta’ passat trawmatiku… 

Iż-żjara tal-Papa fil-Kanada, minkejja li ma kienx milqugħ tajjeb daqs is-soltu, kienet importanti ħafna u dan kemm għall-vittmi u l-qraba tagħhom, kif ukoll għall-Knisja Kattolika stess. L-imwiet tat-tfal indiġeni f’dawn l-iskejjel hija ġerħa kbira minn passat trawmatiku u ż-żjara mill-Papa, għalkemm bżonnjuża u b’intenzjonijiet ġenwini, reġgħet fakkret lill-poplu indiġenu f’dak li għadda minnu.

Il-pass kuraġġjuż mill-Kap tal-Knisja huwa meqjus bħala wieħed fid-direzzjoni t-tajba iżda hemm tensjonijiet minħabba “dak li ntqal u dak li ma ntqalx”. 

Duttrina li trid titneħħa

Filwaqt li laqgħet l-apoloġija tal-Papa, il-Kummissarju minn TRC, Murray Sinclair, qalet li r-rwol tal-Knisja Kattolika fil-ġenoċidju kulturali ta’ nies indiġeni fil-Kanada ma sarx biss minn numru limitat ta’ persuni ħżiena. Dan għall-fatt li, “din kienet ħidma istituzzjonalizzata ħalli jitneħħew tfal mill-familji tagħhom u mill-kulturi li jħaddnu f’isem is-supremazija Kristjana. Filwaqt li l-apoloġija saret, l-istess duttrina għadha hemm”.

Id-duttrina li Sinclair irreferiet għaliha hija d-“Duttrina tal-Iskoperta” li hija qafas legali li jiġġustifika atti bħall-kolonjalizzazzjoni tal-Amerika ta’ Fuq, bl-għeruq tagħha jinsabu f’għadd ta’ stqarrijiet Papali. Tul din iż-żjara tal-Papa Franġisku fil-Kanada, saru protesti fejn l-indiġeni talbu li din id-duttrina titħassar.

Kif qalet Sinclair, il-Knisja kellha rwol f’ġenoċidju kulturali ta’ nies indiġeni, ħaġa li skont rapport fuq “The Conversation”, il-Papa ma tkellimx dwarha speċifikament għajr meta kien sejjer lura lejn Ruma fuq l-ajruplan. Huwa ġie kkwotat li qal, “ma wżajtx il-kelma ġenoċidju għax dak il-ħin ma għaddietlix minn moħħi iżda ddeskrivejt ġenoċidju”.

Nuqqas ta’ prijorità u rispett lejn użanzi indiġeni tul iż-żjara…

F’din iż-żjara kien innotat ukoll li f’ċerti funzjonijiet il-vittmi li għadhom ħajjin ma ngħatawx prijorità mistħoqqa. Dan minħabba li ma tpoġġewx quddiemnett fil-purċissjoni u lanqas waqt l-ewkaristija. Dan seħħ kemm f’Edmonton u Sainte-Anne-de-Beauprè. Fil-funzjonijiet imtella’ tul din iż-żjara, jingħad li kien hemm nuqqas ieħor minħabba li ma kienx hemm simboli u ċerimonji tipiċi tan-nies indiġeni.

L-istess ġurnal jgħid li filwaqt li l-Papa Franġisku verament għamel ħiltu kollha biex ikun hemm rikonċiljazzjoni, “l-istess xewqa ta’ rikonċiljazzjoni qisha ma kinitx ipprattikata fiċ-ċelebrazzjonijiet li saru f’din iż-żjara storika. Konsegwenza ta’ dan, il-qasma bejn il-kulturi baqgħet tinħass”.

“The Conversation” irrapporta li t-tensjoni tinsab ukoll fil-qalba tal-Knisja Kattolika, tensjoni li l-filosofu Bernard Lonergan jiddefenixxi bħala dik “klassika” u dik “ta’ mentalità antika”. Dan il-ġurnal akkademiku saħaq li l-Knisja Kattolika għadha m’aċċettax kompletament ir-rwol tagħha fl-abbuż spiritwali, sesswali, kulturali, emozzjonali u fiżiku li sofrew dawn it-tfal indiġeni fl-iskejjel residenzjali Indjani mmexxija minnha. 

Jingħad li dan kien ċar minħabba nuqqas ta’ sensittività fil-konfront tal-kulturi indiġeni waqt l-istess ċelebrazzjonijiet. Il-preżenza ta’ kardinali, isqfijiet u membri tal-kleru fl-ewwel fillieri ma niżlitx tajjeb għax fil-verità, l-għan taż-żjara kien li jkun hemm kuntatt jekk mhux dirett, almenu mill-viċin, bejn il-Papa u l-vittmi indiġeni li salvaw mill-abbużi.

Kif ħafna sostnew, huwa importanti li ż-żewġ partijiet jersqu lejn xulxin ħalli dan il-kapitlu ikrah fl-Istorja verament jingħalaq darba għal dejjem. Il-vittmi indiġeni li għadhom ħajjin għandhom bżonn ta’ fejqan minn din il-ġerħa kemm internament kif ukoll esternament, mentri l-Knisja Kattolika għandha tgħid il-verità kollha u tieħu r-responsabbiltà totali għad-deni kollu li sar mill-membri tagħha.

Sport