Saturday, December 14, 2024

L-Arċisqof Charles Scicluna jiltaqa’ mal-istaff tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir

Aqra wkoll

L‑Arċisqof Charles Scicluna esprima t‑tama li fl‑iskejjel tal‑Knisja jiġu implimentati inizjattivi ta’ inklussività fi spirtu ta’ ftuħ u djalogu mal‑istakeholders kollha, partikolarment fl‑iskejjel li jaqgħu taħt it‑tmexxija diretta tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta. 

Huwa qal dan waqt laqgħa li saret dalgħodu fil‑Kurja tal‑Arċisqof ma’ madwar 50 edukatur mill‑Kulleġġ San Albert il‑Kbir fil‑Belt Valletta, li jifforma parti u hu mmexxi mill‑Provinċja Dumnikana Maltija. L‑edukaturi kellhom l‑opportunità jsemmgħu leħinhom u jitkellmu mal‑Arċisqof Scicluna.

L-Arċisqof qal li b’rispett sħiħ lejn l-awtonomija tal‑Ordni Dumnikan fuq it‑tmexxija tal‑Kulleġġ San Albert il‑Kbir, huwa għamel tentattiv ta’ medjazzjoni wara t‑tkeċċija tal‑eks surmast Mario Mallia, li miegħu l‑Arċisqof ltaqa’ l‑ġimgħa li għaddiet. L-Arċisqof kien ukoll f’kuntatt mal-Provinċjal tal-Ordni Dumnikan.

L‑Arċisqof appella lill‑istaff sabiex dan il‑mument diffiċli ma jtappanx l‑esperjenzi sbieħ li għaddew minnhom tul is‑snin. Huwa qal ukoll li l‑esperjenza edukattiva tal‑istudenti hi dejjem prijorità. 

L-edukaturi, filwaqt li rrakkuntaw l-esperjenzi tagħhom dwar it-tmexxija tal-iskola, irringrazzjaw lill-Arċisqof ta’ din il-laqgħa u ddeskrivewha bħala ‘opportunità ta’ tama’. Semmew l-inizjattivi ta’ inklużjoni fl-iskola u esprimew ix-xewqa li iktar skejjel jadottaw inizjattivi li jħallu effetti pożittivi fuq it-tfal u fis-soċjetà. L-Arċisqof talab lill-edukaturi biex jitolbu għalih sabiex ikun mezz ta’ djalogu. 

Għal din il‑laqgħa attendew ukoll Patri Charles Mallia O.Carm, id‑Delegat tal‑Arċisqof għall‑Edukazzjoni Kattolika, u s‑Sur Ian Mifsud, id‑Direttur għall‑Kurrikulu u l‑Istandards fi ħdan is‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Kattolika.

Ekonomija

Sport