Thursday, April 18, 2024

Enemed Malta-Sicily Windsurf Crossing: Il-Federazzjoni tirrikonoxxi l-avveniment u l-ħin rekord!

Aqra wkoll

Is-suċċess tal-Enemed Malta Sicily Windsurf Crossing – Edizzjoni tal-40 Anniversarju (1982-2022) li saret dan l-aħħar, organizzata minn Wishbone Windsurfing Promotions bil-kooperazzjoni tal-Malta Young Sailors Club, kompliet tissaħħaħ bl-avveniment u l-aħjar ħin reġistrat jkunu uffiċjalment rikonoxximent mill-Federazzjoni Maltija tal-Ibburdjar.

L-Aqwa Ħin Reġistrat tat-Traversata ta 54.8 mil nawtiku Valletta sa Pozzallo kien ta’ 2 sigħat 13 minuti (133 minuta) u dan ġie rreġistrat minn Kamil Manowiecki (Polonja) ta’ għoxrin sena.  Il-ħin irreġistrat tal-erba’ parteċipanti l-oħra kien Karl Miggiani (età 24) 2 sigħat 45 minuta, Tom Zammit Tabona (28) 3 sigħat 33 minuta, Shaun Miggiani (21) 3 sigħat 51 minuta, u Paul Ellul (59) 6 sigħat 17 minuta.

Il-ħin rekord stabbilit minn Jean Paul Fleri Soler bħala rebbieħ tal-ewwel Tiġrija Windsurf Malta-Sqallija fl-1984 kien ta’ 5 sigħat 56 minuta 35 sekonda, rekord li qatt ma nkisser f’għaxar edizzjonijiet tat-tellieqa.  31 sena wara fl-2015 Paul Ellul tejjeb dan ir-rekord fuq single crossing li kopra d-distanza f’4 sigħat 47 minuta 35 sekonda. Pozzallo kien dejjem il-bidu jew it-tmiem tal-avveniment fi Sqallija.

Sa mill-ewwel Malta-Sicily Windsurf Crossing tal-1982 il-parteċipanti dejjem kienu liberi li jużaw it-tagħmir tal-għażla tagħhom, u hekk anke fuq din it-Traversata Kommemorattiva kien ukoll eżerċitat dan id-‘dritt’.   Fil-fatt, Paul Ellul uża bord tradizzjonali Diviżjoni 2 (Lechner A390), li kienu popolari fil-bidu tas-snin 90 u l-bords Olimpiċi użati f’Seoul 1988 u Barċellona 1992, filwaqt li l-erbgħa l-oħra kollha użaw tagħmir modern ‘IQFoil‘, l-istess kif ser jintuża fil-Logħob Olimpiku li jmiss tal-2024 f’Pariġi.

“Dan il-ħin rekord meraviljuż, u l-kontribut entużjast mogħti minn dawk kollha involuti biex din il-ħolma ssir realtà, ikomplu jsaħħu r-reputazzjoni ta’ dan l-avveniment leġġendarju, diġà rikonoxxut bħala ‘l-itwal Tiġrija tal-windsurf f’fażi waħda fid-dinja’, irrimarka Wilfred Sultana, Organizzatur Ġenerali u oriġinatur tal-Avveniment 40 sena ilu.

Kontribut sinifikanti għas-suċċess tal-avveniment ingħata mis-sidien/kaptani tal-jottijiet u rhibs veloċi li jffurmaw il-flotta ta’ appoġġ. F’Pozzallo appoġġ loġistiku rilevanti ġie estiż mil-Lega Navale Italiana (Sezione di Pozzallo).

“Dan ma kienx sempliċiment avveniment kommemorattiv iżda inċitament għall-qawmien mill-ġdid ta’ sport eċċitanti u mumenti mill-isbaħ,” osserva Mark Vassallo, li kien Uffiċjal Prinċipali ta’ Traversata.

L-Enemed Malta-Sicily Windsurf Crossing – Edizzjoni Kommemorattiva tal-40 Anniversarju (1982-2022), saret taħt il-patroċinju tal-Comune di Pozzallo, Sqallija, li kellha l-Enemed bħala l-“Official Fuels Partner” kif ukoll l-isponsors ewlenin. Imsieħba tal-Avveniment kienu GasanMamo Insurance, S&D Yachts, Blye, Medcomms Marine Electronic, Cisk, u Roland Marina. L-Avveniment sar ukoll bl-appoġġ u r-rikonoxximent tal-Għaqda Ġurnalisti Sports

Ritratt: Il-Pollakk Kamil Manowiecki ta’ għoxrin sena jħares kburi lejn l-arloġġ tal-polz tiegħu li żvela li għamel l-Aħjar Ħin Reġistrat tat-Traversata  ta 54.8 mil nawtiku Valletta sa Pozzallo – 2 sigħat 13 minuta (133 minuta). (Ritratt – Alex Turnbull)

Ekonomija

Sport