Sunday, December 22, 2024

L-Arċisqof jappella lill-gradwati biex ma jfittxux biss il-qligħ fil-professjoni tagħhom

Aqra wkoll

“Ġesù jitkellem dwar il-ġisem mejjet, li jattira lil-isqra. Jekk aħna nkunu soċjetà, magħmula min-nies – li jfittxu biss l-interessi tagħhom, li jidħlu fi professjoni, fil-politika, fis-servizz vokazzjonali, biex jagħmlu l-qligħ biss – minn soċjetà ħajja nsiru ġisem mejjet, noqtlu lil xulxin bir-regħba, u nattiraw l-isqra li jinġabru biex iqattgħuna biċċiet. Imma jiena u nħares lejkom, it-tama tiegħi hi li intom tkunu ġenerazzjoni li ma tibżgħux titilfu x-xefaq dejjaq tal-interessi personali, u f’kulma tagħmlu u tgħidu, taħsbu li tkunu ta’ servizz għal xulxin u għas-soċjetà,” qal Mons. Arċisqof Charles Scicluna waqt quddiesa għall-gradwati l-ġodda tal-MCAST li saret ilbieraħ filgħaxija fil-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu, il-Belt Valletta.

Fl-omelija l-Arċisqof kompla biex ħeġġeġ lill-gradwati ġodda biex igawdu żgħożithom imma ma jaħarquhiex ħalli jgawduha u jarawha tiżviluppa f’maturità għarfa. Spjegalhom ukoll biex ma jibżgħux jagħtu ħajjithom għall-imħabba u li jkunu ta’ servizz għal ħaddieħor għax hekk biss isibu ħajjithom.

Kompla jawguralhom li jkomplu jimmaturaw fil-professjoni jew is-sengħa li ppreparaw għaliha u li f’kulma jagħmlu jfittxu s-sewwa u jaħdmu għall-ġustizzja.

“Qegħdin ngħixu f’dinja ta’ vjolenza inawdita. Ejjew nitolbu, li aħna nkunu dawk, li mhux inqaċċtu s-siġar imma li nħawluhom,” temm jgħid l-Arċisqof.  

Ekonomija

Sport