Saturday, June 22, 2024

L-Arċisqof jitlaq’ lejn Ruma biex jieħu sehem fis-Sinodu tal-Isqfijiet dwar is-Sinodalità

Aqra wkoll

L-Arċisqof Charles Scicluna ħalla Malta dalgħodu sabiex jieħu sehem fis-Sinodu tal-Isqfijiet dwar is-Sinodalità li se jsir fil-Vatikan bejn l-4 u d-29 ta’ Ottubru 2023.

Waqt dan is-Sinodu, fejn se jiġu diskussi l-qofol tal-ħajja u l-missjoni tal-Knisja, se jieħdu sehem 464 persuna, li huma kardinali, isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi u anke lajċi. Dan is-Sinodu qed jitqies bħala pass importanti għall-Knisja Kattolika għaliex, għall-ewwel darba, il-lajċi rġiel u nisa se jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod sħiħ.

Bi preparazzjoni għas-Sinodu, eluf ta’ pellegrini, fosthom żgħażagħ Maltin, illejla mistennija jinġabru fi Pjazza San Pietru għall-vġili ekumeniċi ta’ talb. Preżenti se jkun hemm ukoll il-Papa Franġisku u r-rappreżentati ta’ Knejjes differenti sabiex flimkien jafdaw il-ħidma tas-Sinodu f’idejn l-Ispirtu s-Santu. Bejn għada l-Ħadd u nhar it-Tlieta, il-Papa Franġisku xtaq li l-parteċipanti tas-Sinodu jibdew din l-esperjenza bi tlitt ijiem ta’ rtir barra minn Ruma. Is-Sinodu se jibda b’quddiesa mmexxija mill-Papa Franġisku fi Pjazza San Pietru nhar l-4 ta’ Ottubru.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal, “Is-Sinodu ma niċċelebrawhx f’xahar wieħed biss, iżda huwa proċess li għandna nkompluh u ngħixuh fid-djoċesijiet tagħna.” Appella lill-Insara sabiex matul Ottubru jżommu f’talbhom, b’mod partikolari permezz tat-talba tar-Rużarju u t-talb li tqassam fil-parroċċi, lill-parteċipanti kollha tas-Sinodu sabiex din tkun verament okkażjoni ta’ laqgħa, smigħ u riflessjoni għall-ġid tal-ħidma pastorali tal-Knisja.

Fi kliem il-Papa Franġisku, l-għan tas-Sinodu mhuwiex li jinkitbu d-dokumenti iżda li bħala Knisja, “innibbtu ħolmiet ġodda, jitqanqlu profeziji u viżjonijiet, iwarrdu t-tamiet, nistimulaw fiduċja, ninfaxxaw il-ġrieħi, ninsġu relazzjonijiet, intellgħu żerniq ta’ tama u nitgħallmu minn xulxin”.

Fost l-attivitajiet ippjanati waqt is-Sinodu hemm pellegrinaġġ għall-parteċipanti li se jsir fit-12 ta’ Ottubru. Il-Ħamis filgħaxija, 19 ta’ Ottubru, il-Papa Franġisku se jmexxi mument ta’ talb fi Pjazza San Pietru għall-migranti u r-refuġjati. L-Erbgħa, 25 ta’ Ottubru, il-Papa se jitlob it-talba tar-rużarju fil-Ġonna tal-Vatikan.

Ekonomija

Sport