Polonja……………0
Arġentina………..2
Kellhom ikunu żewġ goals fit-tieni taqsima li taw rebħa ta’ 2-0 lill-Arġentina fuq il-Polonja u post mal-aħħar 16. Il-Polonja wkoll kisbu post f’dan l-istadju minħabba differenza ta’ goals aħjar.
Kienu l-Arġentina li ħolqu l-ewwel periklu fl-10 minuta meta Angel Di Maria għadda tajjeb lejn Lionel Messi iżda l-fenomenu ta’ PSG ra lill-goalkeeper Pollakk Szczesny idawwar f’corner bi bravura.
Huma komplew fuq l-offensiva u fis-37 minuta Alexis Mac Allister serva lil Julian Alvares li iżda kellu jiġi mċaħħad minn Szczesny.
U minuta biss wara l-Arġentina rebħu penalty ferm kontroversjali wara li r-referee Olandiż Danny Makkelie kkonsulta mal-VAR meta Szczesny deher jolqot wiċċ Messi fl-arja.
Iżda mill-11-il metru nkariga ruħu Lionel Messi li ra lil Szczesny isalva tajjeb.
Kienu għaddew biss 60 sekonda mill-ftuħ tat-tieni taqsima meta l-Arġentina fetħu l-iskor, meta Molina għadda tajjeb lejn Mac Allister li kellu x-xutt angulat tiegħu minn pożizzjoni ideali jintemm fir-rokna tax-xibka.
U jidher li huma ma kinux kuntenti biżżejed b’dan l-iskor hekk kif fis-67 minuta rduppjaw l-iskor meta Enzo Fernandez għadda tajjeb lejn Alvarez li kkontrolla l-ballun qabel minn pożizzjoni ideali spara l-ballun fir-rokna tas-saqaf tax-xibka.
Fil-85 minuta l-Arġentina kellhom f’saqajhom il-ballun tat-tielet goal iżda Lautaro Martinez minn ġol-kaxxa u permezz ta’ xutt fil-baxx, tefa’ inkredibbilment barra.
Polonja: Wojcieh Szczesny, Matty Cash, Kamil Glik, Jakub Kiwior, Bartosz Bereszynski (Artur Jedrzejczyk 72), Piotr Zielinski, Krystian Bielik (Damian Szymanski 62), Grzegorz Krychowiak (Krzysztof Piatek 83), Przemyslaw Frankowski (Jakub Kaminski 46), Robert Lewansoski, Karol Swiderski (M. Skoras 46) Coach:
Arġentina: Damian Martinez, Nahuel Molina, Cristian Romero, Nicolas Otamendi, Marcos Acuna (Nicolas Tagliafico 59), Rodrigo De Paul, Enzo Fernandez (German Pezzella 79), Alexis Mac Allister (Thiago Almada 83), Angel Di Maria (Leandro Paredes 59), Lionel Messi, Julian Alvarez (Lautaro Martinez 79) Coach:
Referee: Danny Makkelie (Olanda)
Ammoniti: M. Acuna (A), G. Krychowiak (P)