Sunday, December 22, 2024

“L-Armata hija garanzija li nibqgħu pajjiż ċivilizzat” – L-Arċisqof f’Jum l-Armata

Aqra wkoll

“Ir-responsabbiltà li għandkom hija kbira: li tibqgħu dejjem korp dixxiplinat, ittrenjat u ppreparat għaliex l-għajta tad-dover ma tafx meta tiġi, imqar f’nofs il-baħar Mediterran.”

Hekk qal fl-omelija tiegħu l-Arċisqof Charles Scicluna waqt quddiesa f’Jum l-Armata li ġiet iċċelebrata llumfil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

Il-kongregazzjoni tmexxiet mill-President ta’ Malta u s-Sinjura Vella. Preżenti wkoll il-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri, il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-Brigadier Jeffrey Curmi, uffiċjali u membri tal-Armata.

“intom garanzija li aħna nibqgħu pajjiż ċivilizzat, li fejn hemm l-għajnuna u l-kompetenza tagħna la nagħlqu għajnejna u lanqas insoddu widnejna.

Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof qal: “Intom assedjati, ħa nuża dil-kelma kważi militari, mill-għajta ta’ min għandu bżonn l-għajnuna kemm f’Malta, Għawdex u Kemmuna u fl-ibħra territorjali tal-pajjiż, u wkoll fil-Baħar Mediterran fil-qasam tal-kompetenza ta’ Malta. Intom assedjati minn rikjesti għall-għajnuna. Intom u tirrispondu għal dawn it-talbiet b’dedikazzjoni u b’sagrifiċċju, qed tesprimu ċ-ċiviltà tal-pajjiż tagħna.”

Qal ukoll li: “Jekk l-armata tneħħilha d-dixxiplina u ċ-chain of command, jispiċċa kollox, jisfaxxa kollox. Imma wara kull ħsieb, wara kull ordni, meta nsarrfu kollox, irridu naslu għall-kelma ‘imħabba’: imħabba għall-pajjiż, imħabba għall-armata, u mħabba għal xulxin. Għax eżerċitu mifni fih innifsu bl-għira, bil-pika, u bid-diskriminazzjoni għax wieħed iħares lejn il-kulur u mhux lejn il-kapaċitajiet, jisfaxxa wkoll għaliex l-imħabba tfisser ukoll ġustizzja, fairness, kif nitrattaw bejnietna lil xulxin, u kif nitkellmu fuq xulxin. Il-fatt li wieħed ma jridx joqgħod għall-awtorità mhuwiex sinjal tajjeb għaliex mhux qed iħobb il-vokazzjoni tiegħu. Imma min hu fl-awtorità jrid ukoll joħloq ambjent fejn kulħadd iħossu stmat  għal dak li kapaċi jagħmel u għandu l-istess possibiltajiet li javvanza, hu min hu.”

Ekonomija

Sport