Tuesday, April 16, 2024

Settembru kien l-iktar xahar b’saħħtu għall-Ajruport minn meta faqqgħet il-pandemija

Aqra wkoll

Għadu kif ġie fi tmiemu l-iktar xahar b’saħħtu għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta minn meta faqqgħet il-pandemija ‘l hawn, hekk kif total ta’ 418,473 passiġġier għaddew mill-ajruport f’Settembru.

Fi stqarrija ntqal li għalkemm l-istaġun tal-vaganzi fis-sajf ġeneralment jilħaq il-quċċata f’Awwissu, in-numru tal-movimenti tal-passiġġieri rreġistrati mill-ajruport f’Settembru kien ogħla minn dak miksub matul ix-xahar ta’ qabel għall-ewwel darba mill-1999 ‘l hawn.

Minkejja ż-żieda fl-attività fl-ajruport, it-traffiku tal-passiġġieri kważi naqas bin-nofs f’Settembru meta mqabbel mal-volumi rreġistrati qabel il-pandemija. Fil-fatt, l-ajruport irrapporta tnaqqis ta’ 45.1% fl-ammont ta’ movimenti tal-passiġġieri għal Settembru bejn l-2019 u l-2021. Il-persentaġġ ta’ postijiet vojta fuq it-titjiriet naqas ukoll fl-istess tul ta’ żmien, hekk kif il-kumpaniji tal-ajru li jtiru minn u lejn l-ajruport operaw b’seat load factor ta’ ftit iktar minn 70%.

Ir-Renju Unit żamm postu bħala l-iktar suq li jiġġenera traffiku tal-passiġġieri għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, b’iktar minn 108,000 passiġġier li wasal minn jew vjaġġa lejn din id-destinazzjoni f’Settembru. Is-suq mistenni jkompli jirkupra fix-xhur li ġejjin, meta jibda jinħass l-impatt tad-deċiżjoni tal-Gvern Ingliż li jerħi r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Wara r-Renju Unit, l-iktar swieq li kellhom prestazzjoni tajba kienu l-Italja, il-Ġermanja, Franza u Spanja.

Ekonomija

Sport