Monday, April 29, 2024

1,085 persuna mixlija bi vjolenza domestika fl-ewwel tmien xhur tas-sena… 264 minnhom nisa

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri qal fil-Parlament li n-numru ta’ persuni li tressqu l-Qorti akkużati bir-reat ta’ vjolenza domestika mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Awwissu 2021 kien ta’ 1,085. Minn dawn 264 kienu persuni femminili u 821 kienu maskili. 

Għal mistoqsija parlamentari oħra, il-Ministru Camilleri qal li bejn l-2018 u Awwissu tal-2021 tressqu l-Qorti 456 persuna mixlija bi vjolenza fuq membri tal-Korp tal-Pulizija. 

Jirriżulta li fl-2018 kien hemm 146 persuna li ġew imressqa l-Qorti akkużati b’dan ir-reat, fl-2019 kien hemm 119, fl-2020 kien hemm 117 u sal-aħħar ta’ Awwissu tressqu 74 persuna.

Il-Ministru Camilleri ċċara li din l-informazzjoni tikkonċerna każijiet fejn b’xi mod il-Pulizija ma tħallietx tagħmel xogħolha waqt il-qadi ta’ dmirijietha u tinkludi theddid u aggressjoni.

Mistoqsi dwar każijiet ta’ traffikar ta’ droga, il-Ministru Camilleri spjega li bejn l-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Awwissu 2021, il-Pulizija mit-Taqsima ta’ Kontra d-Droga esegwiet 84 arrest. Huwa qal li f’dan il-perjodu, l-istess Taqsima ressqet 91 persuna fil-Qorti li ġew akkużati bi traffikar ta’ droga.

Dwar il-każi ta’ omiċidji li seħħew fis-snin 2018, 2019, 2020 u 2021, huwa qal li sal-aħħar ta’ Settembru li għadda, in-numru kien ta’ 18 u dawn kollha ġew solvuti u tressqu persuni l-Qorti. 

Sadanittant, il-Ministru Camilleri semma wkoll li permezz tat-trasformazzjoni strateġika li qiegħda sseħħ bħalissa, minn dak li kien għaxar snin ilu, in-numru ta’ membri fil-Korp tal-Pulizija kompla jiżdied u llum hemm 2,136 uffiċjal. Ma’ dawn hemm 148 impjegati ċivili, żieda wkoll minn dak li kien hemm fl-aħħar 10 snin. 

Il-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri kien qed iwieġeb sensiela ta’ mistoqsijiet li sarulu mid-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami.

Sport