Thursday, April 18, 2024

“Għandu jkun hemm sforz kollettiv koordinat biex l-irwol li l-UE għandha fuq livell globali jissaħħaħ” – il-PM

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela attenda għal-laqgħa informali tal-mexxejja Ewropej u għas-summit tal-UE u l-Balkani tal-Punent fil-5 u fis-6 ta’ Ottubru fi Slovenja, li bħalissa qed tokkupa l-Presidenza tal-Kunsill tal-UE.

Id-diskussjoni fl-ewwel jum iffukat fuq l-irwol tal-Unjoni Ewropea fuq il-livell internazzjonali fl-isfond tal-aħħar żviluppi fuq livell globali.

Temi li dwarhom il-Prim Ministru Robert Abela sostna li għandu jkun hemm sforz kollettiv koordinat biex l-irwol li l-Unjoni Ewropea għandha fuq livell globali jissaħħaħ. 

“Nilqa’ d-diskussjoni dwar l-istrateġija awtonoma. Nemmen bis-sħiħ li meta nkunu affaċċjati b’sitwazzjonijiet bħal dawn, għandna nkunu f’pożizzjoni li nantiċipawhom aktar milli nkunu reattivi. Dan huwa l-mod li għandna nħaddmu l-Unjoni Ewropea, u dan jista’ jsir biss jekk insaħħu r-reżiljenza tagħna.”

Il-Prim Ministru żied jgħid li f’kull deċiżjoni u azzjoni li tittieħed, iċ-ċittadini għandhom jinżammu fiċ-ċentru biex nilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom. 

Il-mexxejja kellhom ukoll diskussjoni preliminari dwar iż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija madwar l-Ewropa, qabel jiddiskutu aktar fid-dettall fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew aktar tard dan ix-xahar.

F’din id-diskussjoni, il-Prim Ministru Robert Abela qal li mhux kull pajjiż għandu l-istess mezzi u teknoloġiji biex jipproduċi jew jixtri l-elettriku u għaldaqstant, m’għandhiex tkun ikkunsidrata soluzzjoni waħda komuni għal kulħadd. Huwa saħaq li l-għan tal-gvern jibqa’ li jassigura li l-interessi taċ-ċittadini u tan-negozji Maltin ikunu protetti.

Fis-summit tal-UE mal-pajjiżi tal-Balkani, il-Prim Ministru tenna l-importanza ta’ aktar kooperazzjoni ma’ dawn il-pajjiżi biex nassiguraw aktar paċi u prosperità. 

Dr Abela tenna l-appoġġ tal-Gvern Malti favur il-proċess ta’ tkabbir tal-UE, u sabiex dawn il-pajjiżi jissieħbu bħala membri tal-Unjoni Ewropea.

Ekonomija

Sport