Friday, April 19, 2024

L-armi tan-nar qabżu l-ħbit bil-karozzi għall-imwiet fost iż-żgħażagħ Amerikani

Aqra wkoll

Riċerka ġdida fl-Istati Uniti turi li l-armi tan-nar qabżu l-inċidenti tat-traffiku biex saru l-kawża ewlenija tal-imwiet fost it-tfal u l-adoloxxenti. Ġabra ta’ tagħrif miċ-Ċentri għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard (CDC) turi li aktar minn 4,300 żgħażagħ Amerikani mietu minħabba korrimenti relatati mal-armi tan-nar fl-2020.

Filwaqt li s-suwiċidji kkontribwew għal dan l-għadd, id-dejta turi li l-omiċidji jiffurmaw il-maġġoranza tal-imwiet relatati mal-armi. Fil-fatt instab li hemm iktar minn 390 miljun arma tan-nar f’idejn nies ċivili Amerikani. Donnha li l-pistola hi parti mill-kultura Amerikana.

Skont ir-riċerka – li ġiet ippubblikata din il-ġimgħa fil-New England Journal of Medicine – iż-żieda fl-imwiet relatati mal-armi fost l-Amerikani bejn l-etajiet ta’ sena u 19-il sena kienet parti minn żieda ġenerali ta’ 33.4% fl-omiċidji bl-armi tan-nar madwar il-pajjiż kollu. Matul l-istess perjodu ta ‘żmien, ir-rata ta’ suwiċidji bl-armi tan-nar fl-Istati Uniti żdiedet b’1.1%.

Ir-rata ġenerali ta’ mwiet bl-armi għal kull raġuni – suwiċidju, omiċidju, mhux intenzjonat u mhux determinat – fost it-tfal u l-adoloxxenti żdiedet b’29.5%, aktar mid-doppju ta’ dik tal-popolazzjoni.

Ir-rata ta’ mwiet relatati mal-armi għal kull 100,000 resident żdiedet kemm fost l-irġiel u n-nisa kif ukoll fid-demografija etnika bejn l-2019 u l-2020, bl-akbar żieda fost l-Amerikani suwed.

Fis-snin li għaddew, l-imwiet relatati mal-armi kienu t-tieni wara l-ħabtiet tal-karozzi bħala l-kawża ewlenija tal-mewt fost iż-żgħażagħ Amerikani. L-imwiet f’inċidenti bil-karozzi, madankollu, naqsu maż-żmien u fl-2020 madwar 3,900 Amerikan taħt id-19-il sena mietu f’ħabtiet ta’ vetturi.

L-inċidenti ta’ dożi eċċessivi ta’ droga u avvelenamenti żdiedu bi 83.6% bejn l-2019 u l-2020, u issa huma t-tielet kawża ewlenija ta’ mewt f’dak il-grupp ta’ età. Studju separat ippubblikat aktar kmieni f’April sab li 954 żagħżugħ mietu b’dożi eċċessivi fl-2020, meta mqabbel ma’ 492 fl-2019.

Il-vjolenza bl-armi fl-Istati Uniti żdiedet minn meta bdiet il-pandemija tal-Covid-19 kmieni fl-2020.

Skont ir-riċerka li saret, ir-raġunijiet għal din iż-żieda mhumiex ċari madankollu ma jistax jiġi preżunt li l-mortalità relatata mal-armi tan-nar aktar tard terġa’ lura għal-livelli ta’ qabel il-pandemija”.

Studji separati, ippubblikati fl-Annals of Internal Medicine fi Frar, sab li 7.5 miljun adult fl-Istati Uniti – ftit inqas minn 3% tal-pajjiż – saru sidien ta’ armi tan-nar għall-ewwel darba matul il-pandemija bejn Jannar u April 2021. Dan, imbagħad, espona 11-il miljun ruħ għall-armi tan-nar, inklużi ħames miljun tifel u tifla.

Sport