Saturday, November 23, 2024

L-arrest tas-suċċessur ta’ Pablo Escobar

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Minħabba l-istorja ta’ Pablo Escobar li probabbilment kien l-akbar traffikant tad-droga li qatt rat id-dinja, isem il-Kolumbja sfortunatament sar sinonimu mat-traffiku internazzjonali tad-droga. Għalhekk ma setgħax jonqos li l-operazzjoni tal-pulizija ta’ dan il-pajjiż fl-Amerika Latina li wasslet għall-arrest ta’ wieħed mill-akbar traffikanti tad-droga ta’ żminijietna tingħata prijorità mill-media internazzjonali.

Fl-arrest ta’ Dairo Antonio Usuga jew kif inhu l-aktar magħruf mill-media bħala Otoniel, li minbarra li kif diġà għedna huwa wieħed mill-akbar traffikanti tad-droga huwa wkoll il-kap ta’ waħda mill-akbar għaqdiet kriminali tal-pajjiż, daħlu jgħinu lill-pulizija kemm l-armata kif ukoll il-qawwiet tal-ajru militari.

Tant kien importanti dan l-arrest li l-President Kolumbjan Ivan Duque iddiskrivieh bħala l-aktar wieħed importanti wara l-eliminazzjoni tal-istess Pablo Escobar fis-snin disgħin. L-Istati Uniti, li ta’ min jgħid kienet offriet is-somma ta’ ħames miljun dollaru lil min kien iwassal għall-arrest ta’ Otoniel ferħet lill-pulizija Kolumbjana għal dan is-suċċess fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga.

Otoniel mistenni jiġi akkużat b’lista ma tispiċċa qatt ta’ akkużi li jinkludu traffikar ta’ droga, qtil ta’ membri tal-forzi tal-ordni kif ukoll ta’ reklutaġġ ta’ tfal fil-milizzja tal-grupp tiegħu. Barra minn hekk, huwa jista’ jiġi estradit lejn l-Istati Uniti sabiex jgħaddi ġuri hemm ukoll.

Min huwa Otoniel?

Otoniel twieled ġewwa l-belt ta’ Antioquia fl-1971. F’żgħożitu huwa kien ingħaqad ma’ diversi milizzji ewlenin li kienu joperaw ġewwa l-Kolumbja dik il-ħabta. Meta wieħed jifli l-mod ta’ kif Otoniel kien jibdel l-lealtà tiegħu ma’ dawn il-milizzji mill-ewwel joħroġ ċar li żgur li l-motivazzjoni tiegħu li jingħaqad magħhom ma kinitx waħda ta’ natura politika. Fil-fatt, minn membru tar-Revolutionary Armed Forces of Colombia jew il-Farc, kif inhi l-aktar magħrufa, li kienet tħaddan ideoloġija Komunista, Otoniel kien mar mal-United Self-Defence Forces of Colombia (AUC), grupp paramilitary lemini. Probabbilment, Otoniel kien għamel din il-bidla minħabba li l-AUC biex magħruf li jiffinanzja l-operazzjonijiet militari tiegħu permezz tat-traffikar tad-droga. 

Il-Klan tal-Golf

Meta fl-2005, l-AUC sfaxxa fix-xejn, Oroniel kompla juża l-esperjenza li kiseb mal-AUC fit-traffikar tad-droga u ngħaqad ma’ grupp kbir ta’ traffikanti tad-droga magħruf bħala l-Klan tal-Golf li kien immexxi minn Daniel Herrera jew kif kien magħruf aħjar bħala Don Mauro. Wara fl-2012, dan tal-aħħar inqatel mill-pulizija, Otoniel ħa f’idejh it-tmexxija tal-grupp.

Taħt it-tmexxija ta’ Otoniel, il-Klan kompla jżid f’dik li hija vjolenza u anke kabbar il-fergha militari tiegħu, u għalhekk sar l-aktar grupp fil-mira tas-servizzi tas-sigurta’ tal-Kolumbja.

Minbarra li firex l-operat tiegħu f’diversi provinċji Kolumbjani, l-Klan tal-Golf ikkonsolida l-konnessjoniet internazzjonali tiegħu u minbarra t-traffikar tad-droga, il-grupp beda jopera fit-traffikar tan-nies, tal-ħaġar prezzjuż misruq kif ukoll fl-estorsjoni.

Otoniel irrekluta nies minn diversi pajjiżi barranin fosthom mill-Arġentina, mill-Brażil, mill-Honduras, il-Peru u saħansitra minn pajjiżi Ewropej, l-aktar minn Spanja. B’dan il-mod, huwa rnexxielu jkabbar il-grupp għal kważi elfejn ruħ fil-fergħa militari tiegħu biss.

Permezz ta’ organizzazzjoni mfassla fuq mudell ta’ azjenda kbira tan-negozju, il-Klan ta’ Otoniel beda jikkontrolla r-rotot ewlenin li minnhom tgħaddi d-droga Kolumbjana lejn l-Istati Uniti, l-Ewropa u r-Russja.

F’dawn l-aħħar snin, wara li l-pulizija u l-armata eskalaw l-interess tagħhom fil-grupp ta’ Otoniel, ħafna mill-mexxejja marru jistaħbew fil-foresti Kolumbjani.

L-arrest

L-operazzjoni tal-pulizija li wasslet għall-arrest ta’ Otoniel kienet assistita minn xejn anqas minn 500 suldat u aktar minn 20 helikopter. L-arrest sar fil-provinċja li twieled fiha Otoniel jiġifieri Antioquia li tinsab fil-majjistral tal-pajjiż, qrib il-fruntiera mal-Panama. F’din l-operazzjoni tilfu ħajjithom xi pulizija.

Il-pulizija kella bicca xoghol ferm difficli sabiex tillokalizza lill-Otoniel minħabba li dan ma kienx juża t-telefon ċellulari u kien ta’ spiss jibdel ir-residenza. Jingħad li l-pulizija rnexxiela ssegwi lill-Otoniel minħabba li kien ta’ spiss jordna saqqijiet speċjali minħabba li jbati minn kundizzjoni f’dahru. L-awtoritajiet Kolumbjani kellhom l-għajnuna ta’ esperti mill-Istati Uniti u mir-Renju Unit sabiex arrestaw lill-Otoniel.

Minkejja li huwa naturali li dan l-arrest jiġi mqabbel mal-qtil ta’ Pablo Escobar, ħafna ġurnalisti Kolumbjani qegħdin jammettu li minkejja l-importanza tiegħu, Otoniel huwa ferm anqas kariżmatiku milli kien Escobar. Dan iwassal għal argument ieħor rigward jekk dan l-arrest huwiex sejjer jagħti d-daqqa lit-traffikanti kif qiegħed jgħid il-President Kolumbjan. 

Li huwa żgur huwa li l-ħruġ ta’ Otoniel mix-xena ma jfissirx it-tmiem tal-Klan kriminali tiegħu. Teżisti l-biża’ li addirittura sejra tinqala’ gwerra mdemmija bejn fazzjonijiet differenti tal-klan minħabba li hemm madwar tliet traffikanti li jridu jieħdu t-tmexxija f’idejhom. Il-traffikant li l-aktar li qiegħed jissemma bħala s-suċċessur ta’ Otoniel huwa Jobanis de Jesús Ávila, jew kif inhu magħruf bħala Chiquito Malo. Milli qiegħed jingħad dan Avila huwa tal-istess kalibru tal-Otoniel jekk mhux agħar. Skont ex membri tal-organizzazzjoni ta’ Otoniel, dan Avila kien imexxi l-fergħa li kienet tisraq lil tfal żgħar sabiex jintefgħu fil-prostituzzjoni. Jingħad li min hemm ġie l-laqam Chiquito li tfisser tifel żgħir.

Sport